West Ham United huma ħerqana li jakkwistaw lill-attakkant ta’ Everton, Dominic Calvert-Lewin.
Il-player ta’ 24 sena skorja f’kull waħda mill-ewwel tliet dehriet tiegħu fil-Premier League tal-istaġun qabel sofra injury li żammietu barra mil-logħob bejn l-aħħar ta’ Awwissu u l-bidu ta’ Jannar.
Minn dakinhar Calvert-Lewin reġa’ lura għall-azzjoni għat-Toffees iżda ma setax iwaqqaf il-forma diżappuntanti tagħhom, bil-club ukoll jitlef bl-iskor ta’ 1-0 f’daru kontra Aston Villa nhar is-Sibt.
Minkejja li huwa player ewlieni għat-Toffees, Calvert-Lewin jista’ jkun għall-bejgħ minħabba l-infiq żejjed ta’ Everton f’dawn l-aħħar snin.
Il-manager ta’ West Ham, David Moyes, ġie avżat dwar id-disponibbiltà potenzjali tal-internazzjonali Ingliż, iżda l-attakkant huwa stmat għal £60 miljun mill-club minn Goodison Park.
B’riżultat ta’ dan, il-Hammers mhux se jkunu jistgħu jagħmlu offerta għall-ex żagħżugħ ta’ Sheffield United sakemm Everton ma jiddeċidux li jbaxxu l-prezz mitlub qabel l-aħħar tax-xahar.
Calvert-Lewin skorja 56 goal u rreġistra 16-il assist f’179 dehra għat-Toffees minn mindu ngħaqad mal-club f’Awwissu tal-2016.