Monday, August 18, 2025

‘Wgħedt lili nnifsi li wara li ntemm il-kura tal-kanċer nitgħallem insuq ir-rota’ – Hilda Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

Minn dejjem kont persuna avventuruża. Niftakar meta kont żgħira nħobb it-tricycle tiegħi imma ma stajtx nirkeb rota – dejjem kont nibża’ miċ-ċikliżmu – madankollu fl-età ta’ 46 sena kont f’saħħti, u mimlija ħajja. Wara ġejt iddijanjostikata bil-kanċer tas-sider. Wegħedt lili nnifsi meta sibt il-boċċa li ‘Mhux se nħalli l-kanċer jiddefinixxini’. Il-jum li rċevejt il-konferma dwar il-marda, ħija u martu telqu mill-avventura taċ-ċikliżmu tagħhom biex jiltaqgħu miegħi. Wegħedt lili nnifsi li wara li ntemm il-kura tal-kanċer nitgħallem insuq ir-rota u tkellimt mal-ħabiba u l-kowċ taċ-ċikliżmu tiegħi Michelle Vella Wood. Biex niċċelebra sena mid-dijanjosi xtrajt l-ewwel mountain bike tiegħi mingħand ‘The Cyclist’. Kont għadni kemm irnexxieli nsuq 10-50m waħdi.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħi sa issa f’dan l-isport li tant thobb?

Minn persuna mhux ċiklista għal ċiklista adulta li qed tesplora Malta u barra minn Malta fiċ-ċikliżmu – l-ewwel suċċess żgħir tiegħi kien f’Sardinja f’park ċatt. Esperjenza sodisfaċenti għalija kienet sentejn ilu meta qdift tul ix-xmara Sile minn Treviso sa Jesolo. Għalaqt 50 sena f’Novembru li għadda, ftit qabel għeluq snini, kont fi New Zealand u kelli esperjenza bir-rota mill-isbaħ – ingħaqadt ukoll ma’ numru ta’ tours tal-belt fl-Awstrija, Budapest, il-Lag ta’ Como u ftit bliet oħra.

F’Marzu li għadda għamilt rotta bir-rota ta’ 76km f’Sardinja – bdejt insuq mountain bike u issa għandi Gravel bike li hija eħfef u aktar veloċi – l-għanijiet u l-pjanijiet tiegħi s’issa huma li nittama li xi darba nkun nista’ nipparteċipa fi triathlon – l-għan huwa li nagħmilha jew f’Novembru jew xi żmien is-sena d-dieħla fl-età ta’ 50 sena.

X’tikkummenta dwar iż-żewġ kowċis tiegħek, Dr Danica Bonello Spiteri u Michelle Vella Wood?

Iltqajt ma’ Danica wara inċident sfortunat bir-rota madwar sentejn ilu fejn żlaqt fuq iż-żejt f’Marsascala – ksirt driegħi mill-ispalla – jumejn wara li ltqajt magħha tlajt muntanja ta’ 5km mingħajr is-sling tiegħi u fi żmien għaxar ġimgħat mill-inċident kont lura fuq ir-rota tiegħi grazzi għall-prattika tagħha bħala speċjalista fir-rijabilitazzjoni – irkuprajt il-moviment sħiħ ta’ driegħi u spalla – ukoll grazzi għaliha skoprejt l-imħabba għall-ġiri – qatt ma ħsibt li nista’ niġri – imbagħad peressli kemm Danica kif ukoll Michelle huma triatleti – ġejt ispirata minnhom – it-tnejn li huma żergħu fija l-imħabba li għandi għat- triathlon peressli nħobb il-baħar u ffaċċjajt kundizzjonijiet ta’ sfida f’ilma miftuħ. Irrakkomondajt ukoll lil Danica lil ommi li kelli injury fit-tul f’irkoppitha u kienet timxi b’bastun – irnexxielha tneħħig grazzi għall-metodi ta’ Danica!

Kif tqis il-livell ta’ ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?

Huwa tajjeb li wieħed jinnota li aktar u aktar nies qed jersqu lejn dan l-isport.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom bħala ċiklisti?

Neħtieġu aktar għarfien – għandna bżonn aktar spazji sikuri biex nipprattikaw dan l-isport. Sfortunatament xi drabi rridu nittallbu biex ikollna spazji fejn norganizzaw l-avvenimenti tagħna – definittivament għandna nuqqas ta’ infrastruttura marbuta maċ-ċikliżmu f’Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fiċ-ċikliżmu?

Qed nara lili nnifsi nitjieb kuljum u nippjana li nuża ċ-ċikliżmu mhux biss għall-isport iżda bħala vettura biex nivvjaġġa – ġieli mmur bir-rota minn Wied il-Għajn sal-Gudja li hija rikba ta’ 8km – kultant nieħu anqas ħin permezz tar-rota milli bil-karozza! Nittama wkoll li jkolli iktar avventuri taċ-ċikliżmu barra minn xtutna!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċiklizmu.

Ibdieh – qatt mhu tard wisq biex titgħallem – iċ-ċikliżmu jagħtik sens ta’ libertà u huwa sport mill-aqwa biex jgħinek tibqa’ fil-forma! Huwa mod mill-aqwa wkoll biex tesplora pajjiżi ġodda!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport