Sunday, December 22, 2024

WhatsApp b’faċilità ġdida ta’ editjar ta’ messaġġi li diġà jkunu ntbagħtu

Aqra wkoll

Il-pjattaforma WhatsApp se tibda tippermetti lill-abbonati tagħha jeditjaw messaġġi li jkunu bagħtu lil ħaddieħor. Dan se tagħmlu wara li din il-possibilità diġà qed tkun offruta minn kompetituri bħal Telegram u Signal. B’din il-faċilità ġdida, il-messaġġi fuq WhatsApp se jkunu jistgħu jiġu editjati sa 15-il minuta wara li jintbagħtu.

Il-messaġġi instantanji huma parti mis-servizz offrut mill-ġgant tat-teknoloġija Amerikan Meta, li għandu wkoll Facebook u Instagram.

Il-karatteristika se tkun disponibbli għaż-żewġ biljun klijent ta’ WhatsApp fil-ġimgħat li ġejjin. L-Indja hija l-akbar suq ta’ WhatsApp, b’487 miljun abbonat.

Il-faċilità ta’ editjar se tkopri minn korrezzjoni ta’ sempliċi ortografija għal żieda ta’ kuntest fil messaġġ.

Kulma jrid isir biex messaġġ diġa mibgħut jiġi editjat hu li wieħed jagħfas għal tul ta’ ħin fuq messaġġ mibgħut u jagħżel ‘Editja’ mill-menu sa ħmistax-il minuta wara.

Messaġġi editjati se jiġu mmarkati bħala “editjati”, sabiex ir-riċevituri jkunu konxji li l-kontenut inbidel. Madankollu, mhux se jintwerew kif il-messaġġ ikun ġie rranġat.

It-tħabbira ta’ WhatsApp saret wara li l-karatteristika ġiet offruta diġa mis-servizzi ta’ messaġġi Telegram u Signal. Il-funzjoni tal-editjar ġiet introdotta mill-pjattaforma tal-midja soċjali Facebook kważi għaxar snin ilu.

Madwar dak iż-żmien, Facebook żvela li aktar minn nofs l-utenti tiegħu aċċessaw is-sit fuq il-mowbajls, li huma aktar suxxettibbli għal żbalji tat-tajpjar.

Fuq Facebook, aġġornamenti li huma modifikati huma mmarkati bħala editjati.

Is-sena l-oħra, il-pjattaforma tal-midja soċjali ta’ Elon Musk, Twitter qalet li kienet qed tagħti lill-abbonati l-kapaċità li jeditjaw it-tweets tagħhom.

Tweets jistgħu jiġu editjati ftit drabi mhux iktar tard minn 30 minuta wara.

Ekonomija

Sport