Wednesday, April 24, 2024

Wiċċ ġdid … imma

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Benny Borg Bonello

Din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista għażel Kap ġdid.  Tawh post fil-Parlament, u sar Kap tal-Oppożizzjoni.  Hu wiċċ ġdid fil-politika imma kemm verament ser ikollna Kap tal-Oppożizzjoni ġdid?  Li jkollna wiċċ ġdid, imma li jkollu l-istess karatteristiċi bħal ta’ qablu, ifisser li ma tkun saret l-ebda bidla ħlief li erġajna morna għall-PN ta’ qabel l-aħħar Kap.

Biex naraw x’differenzi ser ikun hemm, irridu naraw ċerti karatteristiċi tal-persuna.  Għalhekk tajjeb li naraw il-karattru, kemm iżomm mal-prinċipji tiegħu u kemm verament ser ikun Kap.

Il-Karattru

Il-karattru ma jiddependix biss mill-wiċċ.  Jekk dan ikun dejjem jitbissem ikollu dehra aħjar.  Imma dan jindika d-dehra biss.  Il-karattru tal-bniedem ma joħroġx minn dak li jkun qed jgħid issa biss.  Dan għaliex kulħadd jadatta kliemu skont iċ-ċirkostanzi.  Jekk jien irrid nidher onest, malajr nadatta kliemi u noqgħod nitkellem fuq l-onesta’ – kemm din hi importanti u kemm jien onest u li m’għandi l-ebda problema preżentament fuq l-onesta’ tiegħi.  

Hu l-passat li jirrifletti aħjar il-karattru ta’ dak li jkun.  Ir-raġuni hi li d-deċiżjonijiet li wieħed jieħu huma bbażati fuq il-karattru ta’ dak li jkun.  Il-passat jagħtina medda ta’ żmien twil fejn wieħed kellu l-liberta’ li jaġixxi kif irid mingħajr skrutinju.  Jekk jien naf li xi ħadd qed iħares lejja, noqgħod attent għal kull mossa li nagħmel filwaqt li jekk inkun waħdi nista’ nimxi kif irrid.  Hu għalhekk li l-passat hu indikazzjoni ħafna aktar ċara tal-karattru ta’ dak li jkun.

Jekk wieħed iħares lejn il-mexxej il-ġdid u dak ta’ qablu, it-tnejn intefgħu dellijiet fuqhom.  Biss hemm differenza.  Filwaqt li dak ta’ qabel id-dell intefa’ minħabba allegazzjoni, ta’ dan, id-dell hu bbażat fuq fatti.  Allegazzjoni, serja kemm hi serja, tibqa’ allegazzjoni għaliex ma jkunux ħarġu l-fatti.  Imma l-fatti huma fatti.  

Il-fatti fuq il-ħlas ta’ taxxi tal-mexxej il-ġdid mhumiex sbieħ.  Li kieku dawk il-fatti li ħarġu għamilhom ċittadin ordinarju, ma jirriflettux sabiħ fuqu.  Aħseb u ara kemm jirriflettu sabiħ fuq persuna li taspira li trid tmexxi lil ħaddieħor anki fuq bażi nazzjonali.  Il-fatt li issa l-affarijiet irranġaw ruħhom ma jneħħux id-dell speċjalment meta rranġaw ruħhom għax kien jaf li xi ħadd ser ifittex fuqu.  Dan juri li l-interess personali hu qawwi ħafna aktar mill-interess tas-soċjeta’ għax l-ebda soċjeta’ ma tista’ tieħu ħsieb iċ-ċittadini mingħajr taxxi.

L-interess personali reġa’ tfaċċa meta familjari tiegħu ħarġet pożittiva għall-corona virus.  Kulħadd jaf li meta jiġri hekk, il-qraba viċin għandhom dmir li biex jipproteġu lil ħaddieħor jibqgħu kwarantina.  Biss dan, għax kien hemm il-kampanja għaddejja ġie jitmejjel u ħareġ jitħallat man-nies.  Għamel l-istess bħal Trump!

Biex tiskonġra trid tkun pur

Dak li jgħid il-Malti u dan jgħidu għaliex anki fl-antik, in-nies komuni kienu jafu li ma tistax tippritka mod u mbagħad minn wara tagħmel mod ieħor.  Jekk jien nippritka fuq is-Saltna  tad-Dritt, jiġifieri li l-liġi qegħda hemm għal kulħadd, l-ewwel ħaġa li jippretendu n-nies, li jien l-ewwel ma nagħmel napplikaha fuqi u wara napplikaha fuq in-nies.  U s-Saltna tad-Dritt ma tapplikax biss fuq aspetti ta’ ħatriet imma tapplika fuq kull aspett tal-liġi inkluż it-taxxi.  Li jien indum inkarkar snin twal biex inħallas it-taxxi dovuti, ma jfissirx li qed nimxi mal-liġi, iżda li qed nilgħab bil-liġi.  Dan barra l-fatt li hemm minn tefa’ dubji serji fuq kemm ġie ddikjarat kollox!  Ara jekk iwegħedna li jekk ikollu l-poter, kulħadd ser ikollu l-liberta’ li jħallas taxxi kemm u meta jrid, allura l-istampa tinbidel.  Imma sakemm isir dan, u l-liġi ma tinbidilx, ifisser li mhux nirrispettaw is-Saltna tad-Dritt inkunu imma nitmejlu biha!

Prinċipji

Hawn niġu għall-prinċipji.  Il-prinċipji huma dawk l-affarijiet li kull bniedem ikollu u jaġixxi ‘l ħin kollu fuqhom.  Bniedem li jitkellem fuq il-prinċipji tiegħu, iżda ma japplikahomx, mhux bniedem serju.

Ħa naraw ftit professjonist serju kif jaġixxi.  Pajjiżi bħal l-Istati Uniti, l-abort hu permess bil-liġi u għalhekk kull tabib li jagħmel l-abort fuq pazjenta, ma jkunx qed jikser il-liġi.  Biss hemm tobba li minħabba li l-prinċipji tagħhom huma bbażati fuq it-tagħlim tal-Knisja, jirrifjutaw li jagħmlu l-abort minkejja li dan hu permess mil-liġi u li tabib li jagħmel l-abort ma jirriflettix ħażin fuqu.

Issa ħa naraw kif jaħdem dan il-wiċċ ġdid.  Meta konna ser nivvutaw jekk naċċettawx id-divorzju jew le, ma qagħadx kwiet u ħadem biex id-divorzju ma jidħolx għaliex skont hu, id-divorzju ma jaqbilx mal-prinċipji tiegħu.  Kellu kull dritt li jagħmel dan u sew għamel.  

Imma li wara kif il-liġi nbidlet, skont hu stess, ma qagħadx jiddejjaq li jgħin lin-nies biex jieħdu d-divorzju.  Kif diġa’ ktibt, professjonist serju japplika dejjem il-prinċipji tiegħu imma dan milli jidher meta jara l-flus jinsa l-prinċipji tiegħu.

Kap jew pupazz?    

Li jkollok nies li jissapportjawk hu importanti biex int tirbaħ elezzjoni.  Ma hemm xejn ħażin.  Biss jibdew jidħlulek id-dubji jekk dawn in-nies li l-ewwel ħadmu biex ineħħulek il-kompetizzjoni, hux  ser ikun hemm mexxej  jew pupazz.  Iżda meta lanqas joħroġ ir-riżultat li rbaħt l-elezzjoni joħorġu pubblikament jgħidulek li trid timxi kif jgħidulek għax ineħħuk, u dan jekk ma tiċħdux, id-dubju jispiċċa.

Li jkollok bniedem li kull meta jkellmek jitbissem hi xi ħaġa sabiħa, iżda hi sabiħa sakemm dan ikun serju.  Jekk dan ma jkunx serju, it-tbissim kull ma jkun ifisser hu li qed jitmejjel bik!

Sport