Wied żgħir imma pittoresk għall-aħħar u li jservi ta’ ‘buffer zone’ bejn l-Imtarfa u r-Rabat jinsab mhedded minn proposta ta’ żvilupp. Din il-proposta ta’ żvilupp qed issir biex propju f’nofs il-wied, eżattament fil-qalba tiegħu, jinbnew għadd ta’ strutturi ma’ strutturi li hemm bħalissa. Fost dawn hemm il-proposta li tinbena pixxina. L-iżviluppatur qed jgħid li se jneħħi siġar aljeni u jibdilhom ma’ oħrajn indiġeni.
Din il-proposta ta’ żvilupp qed tqajjem ferment fost għadd ta’ bdiewa tal-inħawi. Dan minħabba l-fatt li l-iżvilupp propost se jikber ferm u ferm aktar mill-istrutturi dilapidati u fi stat mitluq li hemm illum. L-istess bdiewa qed jargumentaw li fuq is-sit qatt ma kien hemm pixxina imma biss ġiebja għall-ilma.
Din il-proposta qajmet ukoll tħassib fost għadd ta’ Rabtin li għamlu l-oġġezzjonijiet tagħhom mal-MEPA. Jidher li anke is-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali qed toġġezzjona. Dan minħabba li dan il-wied sa issa għadu ħieles għal kollox mill-iżvilupp. Is-Sovrantendenza qed tgħid li l-iżvilupp hu wieħed qawwi u dan se jkun ta’ dannu għal dan l-istess wied.
Residenti mill-Imtarfa ilmentaw li “dan hu wied mill-isbaħ. Ħafna igawduh fil-mixjiet li jagħmlu fit-triq li hemm ftit bogħod. Oħrajn igawdu minn ħdejn il-villa Rumana. Bi strutturi mibnijin f’nofs u pixxina, ma tkunu qed tagħmlu xejn ħlief teqridu l-Wied ta’ Għeriexem. Nittamaw li l-Awtorità tal-Ippjanar tipproteġi dan il-wied minn dan l-iżvilupp”.
Resident ieħor li tkellem magħna qalilna li “dan ir-razzett hu antik ħafna. Magħruf bħala ir-razzett ta’ San Pawl. Illum jinsab fi stat ħażin ħafna. Jekk tanalizza l-iżvilupp li qed ikun propost tara li dan se jikber ferm u ferm aktar minn dak li hemm illum. Żvilupp f’dan il-wied, li hu żona barra l-iżvilupp hu inaċċettabbli”.
L-istess resident qalilna li “inħeġġu lil kunsill lokali tar-Rabat u anke dak tal-Imtarfa biex joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp. Ma rridux li jinqered dan il-wied.”