Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi bdiet minn meta kont żgħir, minn dejjem niftakarni nsegwi l-futbol fuq it-televixin flimkien ma’ missieri u ħija. Bdejt nilgħab ma’ klabb ta’ età pjuttost kbira, għaliex bdejt ta’ seba’ snin ma’ Mtarfa. Minn hemmhekk mbagħad kont imxejt għal ma’ Rabat.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Dingli Swallows FC.
Fl-istaġun li għadda kont ma’ Dingli Swallows FC. Fuq livell personali l-esperjenza tiegħi ma’ Dingli ma kinitx dik li xtaqt għaliex ma lgħabtx b’mod regolari daqs kemm xtaqt. Iddeċidejt li nissieħeb ma’ Dingli wara li kont għamilt sentejn ma’ Mdina Knights fejn fl-aħħar staġun kont ukoll captain tat-tim. Fuq livell personali ma’ Mdina, nista’ ngħid li l-esperjenza tiegħi kienet waħda pożittiva ferm għaliex kont qed nilgħab f’pożiżżjoni li qatt ma kont lagħbt fiha qabel u rnexxieli naddatta b’mod tajjeb.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Ma’ Dingli Swallows FC kellna tim pjuttost magħqud, l-atmosfera fid-dressing room kienet waħda pożittiva ferm. Bħala riżultati u prestazzjonijiet nista’ ngħid li wkoll kienu pożittivi. Il-kowċ Nicolai Caruana, minkejja li għadu pjuttost żgħir irnexxielu jgħaqqad tim kompetittiv.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Naħseb li f’ċertu diviżjonijiet il-livell rajtu żdied pjuttost fil-livell tal-Amateur League. Bosta plejers Maltin li qabel kienu jilagħbu f’livelli għola qed jinżlu jilagħbu fl-Amateur League minħabba n-nuqqas ta’ oppotunità li qed ikollhom fil-kampjonati l-oħra. Naturalment dan għen sabiex jiżdied il-livell.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Minn naħa ta’ riżorsi nista’ ngħid li l-grawnd ta’ Ħad-Dingli fl-opinjoni tiegħi huwa wieħed mill-aqwa f’Malta. Bħala grawnds fejn nilagħbu il-grawnds ta’ Sirens u Mosta huma pjuttost aċċettabbli.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi bħalissa huwa wieħed inċert hekk kif ninsab f’diskussjonijiet ma’ xi klabbs peró ninsab ħerqan għall-istaġun li ġej.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Naturalment, biex tilgħab il-futbol f’pajjiżna jrid ikollok passjoni għaliex hija faċli li wieħed jaqta’ qalbu u jieqaf. Hemm numru ta’ fatturi li ma jgħinux sabiex wieħed ikompli l-karriera tiegħu fil-futbol peró, wieħed irid ikun determinat li minkejja kollox jegħleb kull ostaklu.