Saturday, November 23, 2024

Wieħed mill-films favoriti għall-Oscars

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Minn Mario A. Azzopardi ([email protected])     
Box Office
Kultant kumpanija li jkollha film li jitla’ fil-quċċata tal-box office Amerikana xorta ma tkunx kuntenta. “Venom: The Last Dance” hu l-film numru wieħed ta’ tmiem il-ġimgħa imma d-dħul hu diżappuntanti. B’kollox kellu dħul ta’ $51 minjun, ferm anqas mill-$65 miljun li kien mistenni li jagħmel. Agħar minn hekk, dan hu l-wieħed bl-anqas dħul fl-opening weekend mit-tliet films ta’ Venom. Madankollu, id-dħul mill-pajjiżi l-oħra ippatti għal dan id-diżappunt għax id-dħul mit-teatri nternazzjonali jammonta għal $124 miljun.

L-inkwiet hu li wara n-nuqqas ta’ success ta’ “Joker: Folie à Deux”, terġa tqum il-mistoqsija: kemm il-pubbliku għadu jrid jara films li oriġinaw fil-komiks?

Mhux l-istess jista’ jingħad għat-thriller b’Ralph Fiennes, “Conclave”, li mar aħjar milli kien antiċipat b’dħul ta’ $6.5 miljun u tela’ fit-3 post.

Mill-bqija, “Smile 2” niżel fit-tieni post. Il-film animat “The Wild Robot” u d-darma romantika “We Live in Time” okkupaw iż-żewġ postijiet l-oħra ta’ l-aqwa ħamsa.

Anora

Din is-sena, il-film rebbieħ tal-Palma tad-Deheb fil-festival ta’ Cannes, kien id-drama komika u romantika “Anora” tad-direttur Amerikan Sean Baker. Skond id-direttur, dan il-film hu speċi ta’ l-istorja ta’ Cinderella jew “Pretty Woman”.

Il-film jippreżentalna żewġ kulturi, dik Russa u Amerikana. Għalkemm jidhru li huma kompletament differenti, fejn jidħlu l-flus u s-sess dawn m’għandhomx barrieri ta’ lingwa.

Mikey Madison għandha l-parti ta’ Anora, għalkemm hi tippreferi li jsejħulha Ani.Taħdem f’strip club f’Manhattan. Tispeċjalizza fil-lap dances fil-kumpanija ta’ neguzjanti b’ħafna flus. Billi Ani tkun taf xi ftit kliem bir-Russu, il-boss tagħha jibgħatha biex tiddeverti lill-klijent żagħżugħ Russu Ivan, iben familja oligarka Russa. Ani u Ivan jingwalawha, billi jikkumnikaw xi ftit kliem bil-lingwi ta’ xulxin. Għalkemm jismu Ivan, sħabu jsejħulu Vanya.

Min din il-laqgħa, jibdew ġejjin iż-żjarat fid-dar lussuża ta’ Ivan. Wara dawn iż-żjarat, Ivan jistqarr li sar iħobbha u jiżżewġu ftit wara, f’kappella f’Las Vegas.

Imma l-film “Anora” mhuwiex l-istorja ta’ Cinderella għax ma tispiċċax “happily ever after”. Meta l-ġenituri ta’ Ivan jisimgħu mill-midja soċjali bl-istorja ta’ binhom il-ħali li żżewweġ dik li għalihom hi “prostituta”, il-ġenituri jifferoċjaw. Skond huma, binhom kien waqqa’ għaż-żuffjett il-familja tagħhom. Il-ġenituri jkunu beħsiebhom jiġu l-Amerika immedjatament u jridu akkost ta’ kollox iż-żwieġ jiġi annullat.

Il-film għandu nterpritazzjonijiet tajba. L-attur Russu Mark Eydelshteyn għandu l-parti ta’ Ivan. Għar-Russi, Mark hu meqjus li hu it-Timothée Chalamet tagħhom.

“Anora” hu wieħed mill-films li qed jissemma’ li jkun innominat għall-Oscar għall-aħjar film, filwaqt li Mikey Madson għall-aħjar attriċi. Il-film jissemma’ wkoll li hu favorit li jkun innominat għall-ascreenplay oriġinali u editing.

“Anora” hu kklassifikat 18 minħabba xeni ta’ sess u użu ħażin tad-droga.

Terrifier 3

Malli jersaq Halloween, jibdew ħerġin ruxxmata ta’ films tal-biża’, b’uħud minnhom is-suċċess li jiksbu mhux spjegabbli. “Terrifier 3” hu wieħed minnhom. Dan jidher ser issir xi franchise oħra, inħoloq minn Damien Leone u l-ewwel wieħed kien ħareġ fl-2016. Sa issa, dejjem idderieġa u kiteb l-iscreenplay tat-tliet films.

Il-karattru ewlieni hu Art the Clown (dejjem interpritata minn David Howard Thornton) li din id-darba hu determinat li joħloq kaos fuq ir-residenti ta’ Miles County meta ħasbu li jistgħu jgħaddu fil-kwiet lejlet il-Milied. Art the Clown hu sadist u miġnun fil-veru sens tal-kelma.

“Terrifier 3” hu kklassifikat 18 minħabba xeni qawwija u dettaljat ta’ vjolenza.

Juror #2

“Terrifier 3” isib udjenza imma film ġdid tal-veteran Clint Eastwood jidher li ser imur fuq pjattaforma diġitali. Eastwood li għandu 94, qed jgħid li dan ser ikun l-aħħar film tiegħu.

Il-protagonist hu Nicholas Hoult fil-parti ta’ Justin Kemp. Huwa raġel tal-familja li darba, kien qed isuq bil-lejl fi-xita u jolqot xi ħaġa. L-ewwel reazzjoni tiegħu hu li kien laqat ċerva.

Sena wara, Justin jiġi mgħajjat biex ikun ġurat waqt ġuri ta’ omiċidju. Huwa hawn fejn Justin isib ruħu f’dilemma morali, li potenzjalment tista’ taffettwa l-verdett naħa jew oħra. Dan minħabba dak li ġara sena qabel f’dik il-lejla xitwija.

Fih tidher ukoll bint id-direttur, jiġifieri Francesca Eastwood. Dan hu t-tielet film ta’ Francesca ma’ missierha.

“Juror #2” hu kklassifikat 12A minħabba xi xeni ta’ vjolenza domestika u lingwaġġ. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport