Box Office
Meta ħafna stennew li fi tmiem il-ġimgħa, il-film ġdid “Wolf Man” ser ikun fil-quċċata tal-box office Amerikana, dan ir-remake kellu saħħa biss sabiex jitla’ sat-tielet post. Id-direttur Leigh Whannell li għandu reputazzjoni fil-qasam tal-films tal-biża’ ma sabx udjenzi kbar biżżejjed li huma entużjati li jaraw il-film ġdid tiegħu. “Wolf Man” anqas mar tajjeb fit-53 pajjiż fejn diġa ħareġ għall-wiri għax b’kollox minn dawn il-pajjiż anqas għaqqad $5 miljun.
Fil-quċċata baqa’ jiddomina “Mufasa”. Fit-tieni post iddebutta l-film komiku “One of Them Days” bis-sehem ta’ Keke Palmer u SZA. Dawn ikunu żewġt iħbieb meta jiskopru li n-namrat ta’ waħda minhom kien ħarab bil-flus tal-kera. Għalhekk tibda tellieqa kontra l-ħin biex jaraw x’jagħmlu biex is-sid il-kera strett li għandhom ma jiżgumbrahomx
“Sonic the Hedgehog 3″ u “Den of Thieves 2” okkupaw ir-raba’ u l-ħames post tal-box office Amerikana.
The Brutalist
Għada l-Ħamis jitħabbru n-nominazzjonijiet għall-Oscars ta’ din is-sena. Huwa mistenni li “The Brutalist” ikun fost dawk innominati għall-aħjar film u jkollu numru ta’ nominazzjonijiet oħra. Sa issa, rebaħ 3 Golden Globe Awards, inkluż għal-aħjar film drammatiku u hu nnominat għal 9 British Film Awards
Fiċ-ċentru tan-narrattiva għandna lil László Tóth (Adrien Brody), Lhudi mwieled l-Ungerija. Id-direttur Brady Corbet ried jagħtina nterpritazzjoni ta’ x’inhi l-ħolma Amerikana għall-immigrant, speċjalment jekk ikun artist ambizzjuż.
Element ieħor fil-film hi l-perspettiva ta’ Lhudi f’dinja li tħares lejn il-Lhud b’ambivalenza.
Fl-ewwel parti tal-film, naraw lil László jemigra lejn l-Amerika Huwa jkun perit b’ideat futuritistiċi li mhux dejjem jiġu apprezzati mill-ewwel. Hekk jiġri meta jiġi mqabbad jiddisinja l-librerija tas-sinjur Harrison Lee Van Buren (Guy Pearce). László jitkeċċa mingħajr ma jiġi mħallas tax-xogħol li jkun għamel. Imma meta l-istil innovattiv tal-librerija jiġi mfaħħar mill-komunità tal-periti, Harrison Lee jagħmel apoloġija lil László u ikunu iridu bħala sieħeb miegħu biex jibnu binja iddisinjata b’mod futuristiku.
Fit-tieni parti tal-film tasal mart László, li jisimha Erzsébet (Felicity Jones). Din tkun f’siġġu tar-roti tbati minn osteoporożi minħabba l-ġuħ li sofriet meta kienet f’kamp ta’ konċentrament. Magħha tasal ukoll il-kuġina Zsofia (Raffey Cassidy). Imorru joqgħodu New York fejn László jibda jaħdem ma’ kumpanija ta’ periti. Ir-relazzjoni bejn Harrison u László tibda ssir simbjożi konfrontazzjonali li tilħaq il-quċċata waqt żjara f’barriera tal-irħam fl-Italja meta Harrison iwettaq xi ħaġa mistmerra u metaforika.
Il-film ġie ffilmjat bit-teknoloġija tal-VistaVision li kienet popolari fis-snin ħamsin. Wara kollox l-istil ta’ arkitetura, magħrufa bħala ‘brutalist architecture’ twieldet fis-snin ħamsin.
“The Brutalist” hu kklassikat 18 minħabba xeni ta’ sess, vjolenza sesswali u użu ħażin tad-droga.
Wolf Man
L-idea li bniedem jista’ jinbidel f’annimal ilha tiġi sfruttata minn Hollywood għal mitt sena. Fl-1924 kien ħareġ “The Wolf Man” b’John Gilbert u Norma Shearer, liema film illum hu meqjus mitluf kompletament. Fl-1941, kien ħareġ il-famuż film b’Lon Chaney Jr. Dak kien film tal-Universal Pictures li sa mill-bidu tal-eżistenza tagħha kienet tispeċjalizza fil-films tal-biża’ u l-monstri.
F’din il-verżjoni moderna, l-attur prinċipali hu Christopher Abbott. Għandu l-parti ta’ Blake. Martu jisimha Charlotte (Julia Garner) u għandhom it-tifla Ginger (Matilda Firth).
Wara li missieru jisparixxi b’mod misterjuż, Blake jiret fejn kien joqgħod. Flimkien mal-familja tiegħu, jitilqu minn San Francisco u jmorru Oregon biex jibdew ħajja hemmhekk. Imma darba, matul il-lejl, taħt qamar kwinta, din il-familja tisfa’ attakkata minn werewolf li jagħmel ferita fuq id Blake. Kollha jinqaflu fid-dar imma Blake jibda jittrasforma ruħu f’xi ħaġa tat-twerwir. Agħar minn hekk, jibda jpoġġi fil-periklu l-ħajja ta’ martu u bintu.
Id-direttur hu Leigh Whannell, li 20 sena ilu ħoloq l-istorja oriġinali għall-film “Saw”. Id-direttur spjega li hu ispira ruħu min żewġ films meta ġie biex jaħdem “Wolf Man”. Wieħed minhom hu “The Fly” (1986) ta’ David Cronenberg. Ried li l-film tiegħu jiżviluppa fi traġedja ta’ bniedem li kien qed jikkrolla. Il-film l-ieħor li nfluwenzah hu “The Shining” (1980) ta’ Stanley Kubrick. Fil-fehma ta’ Whannell, ix-xeni tal-biża’ f’“The Shining” ma kienux ikunu effettivi li kieku ma kienx hemm Shelley Duvall. Whannell ried l-istess għal dan il-film, bil-karattru ta’ Julia Garner bħala l-kumpass morali u li tqanqal l-empatija tal-udjenza.
“Wolf Man” hu kklassikat 15 minħabba diversi xeni qawwija ta’ biża’u vjolenza, kif ukoll l-użu ta’ lingwaġġ offensiv.