Sunday, December 29, 2024

Wieħed mill-iżviluppaturi qal li ddispjaċieh ta’ dak li ġara u beda jibki

Xhieda tal-Ispettur Antonello Magri, uffiċjal li mar fuq il-post meta seħħ l-inċident

Aqra wkoll

Xehdu wkoll uffiċjali oħra tal-pulizija, inkluż Spettur stazzjonat f’għassa u Kuntistabbli stazzjonat Mater Dei.

Jixhed l-Ispettur Antonello Magri

L-Ispettur Antonello Magri, stazzjonat fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid, fix-xhieda tiegħu qal li nhar it-3 ta’ Diċembru 2022, għall-ħabta tal-10.15 a.m., kien qiegħed jaqdi dmiru fl-għassa meta fil-pront l-Għassa ta’ Raħal Ġdid irċeviet telefonata mill-control room. L-Ispettur Magri ġie mgħarraf li fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin kien seħħ inċident f’sit ta’ kostruzzjoni.

“Kif wasalt fuq il-post sibt il-ħaddiema tas-CPD li bdew ix-xogħol tagħhom biex isalvaw kemm jista’ jkun nies. Kien hemm diversi timijiet ta’ ambulanzi fuq il-post. Kien hemm ukoll Dr Michael Spiteri mid-Dipartiment tal-Emerġenza u d-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili”.

L-Ispettur Magri spjega li ntalbet assistenza minn diversi taqsimiet tal-pulizija u uffiċjali ta’ Transport Malta biex tingħalaq il-parti fejn seħħ l-inċident. Sadanittant, huwa nnota li fuq il-post kien hemm krejn bil-pompa li jagħti l-konkos, redimix u trakk żgħir fuq wara.

“L-ewwel kellimna s-Sur Kenneth Cassar, bħala s-sid ta’ kumpanija li tiġi eżatt ħdejn il-binja li ġġarrfet. Wara li kellimnieh qal li waqt li kien qiegħed jagħmel xogħlu sema’ ħoss kbir u mill-cameras tas-sigurtà ra l-bini nieżel u ċempel mill-ewwel għall-għajnuna. Tajt struzzjonijiet biex jiġu priservati l-filmati tas-CCTV”.

“Aktar tard waslu l-imputati Schembri u Buhagiar, li kienu s-sidien tal-binja li kienet qed tinbena. Meta mitkellma biex jagħtu d-dettalji ta’ kemm seta’ kien hemm nies taħt it-tifrik huma ma kinux ċerti eżattament kemm kien hemm,” kompla jixhed l-Ispettur Magri.

Il-Qorti semgħet ukoll li malli wasal il-kuntrattur, huwa ġie mistoqsi kemm kien hemm nies bl-eżatt taħt it-tifrik, però, dan ma kienx ċert lanqas. “Waslet ukoll il-Perit Adriana Zammit. Ma damitx fuq il-post għax kellna neħduha b’ambulanza għax kienet taħt xokk,” fisser l-Ispettur Magri.

Huwa kompla jgħid li mbagħad sar magħruf li l-persuni li nħarġu mis-sit kienu ħamsa. Il-pulizija ġiet infurmata wkoll li taħt it-tifrik seta’ kien hemm persuna oħra — Jean Paul Sofia. Mal-ewwel saret localisatiton tal-mobile min-naħa tas-Supt. tad-Distrett, Jesmond Borg, li rriżulta li fl-9.51 a.m. Sofia kien jinsab fil-post ta’ fejn waqa’ t-tifrik. Fuq il-post kien hemm ħaddiem ieħor li kien qed jagħti l-konkos fuq is-saqaf u li ma ġarrab l-ebda ġrieħi. L-istess ħaddiem qal li sema’ t-tfaqqigħ u appena ħares lura ra l-binja ċċedi u telaq jiġri. “Irnexxielu jaqbad mal-pajp tal-pompa tal-konkos u niżel mill-pajp”.

Jixhed PC 1422

PC 1422 xehed li “Nhar l-4 ta’ Diċembru tal-2022, għall-ħabta tas-2.11 a.m., ittella’ l-ġisem ta’ Sofia minn qalb it-tifrik fejn ġie ċċertifikat mejjet mit-tabib tal-Emerġenza,” filwaqt li spjega illi meta seħħ l-inċident informa lill-Maġistrat tal-Għassa Dr Marse-Ann li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta Maġisterjali. 

Il-Kuntistabbli kompla jgħid li fil-21 ta’ Lulju li għadda ġew infurmati li l-Inkjesta ngħalqet u min-naħa tagħha ħarġu mandati t’arrest kontra ħames persuni. 

“Wara li saru l-arresti u ngħataw id-drittijiet tagħhom, ġew mitkellma fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u wara nbdew il-proċeduri fil-Qorti. Filmati tas-CCTV urew lil Sofia joħroġ minn vettura u jidħol fil-binja. Meta mitkellma, l-iżviluppaturi qalu li qatt ma indunaw li kien hemm xi ħsara u li l-bini kien tiela’ b’mod ħażin”. Fil-Qorti ntqal ukoll li l-vettura li wasal biha Jean Paul Sofia kienet tal-kumpanija Whitefrost.

Fil-kontro-eżami, l-Ispettur Magri kkonferma li Matthew Schembri wera dispjaċir għal dak li ġara: “Meta staqsejnieh dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-vittma, kien emozzjona ruħu, qal li kienu ħbieb u qishom aħwa. Kienu joħorġu flimkien. Iddispjaċieh ta’ dak li ġara u beda jibki f’ħin minnhom”.

Jixhed l-Ispettur Paul Camileri

Xhud ieħor kien l-Ispettur Paul Camileri, li daħal fl-investigazzjonijiet wara li ġiet konkluża l-Inkjesta Maġisterjali. Huwa kien involut fl-arresti tal-ħames persuni, tnejn minnhom ġew l-għassa u tlieta oħra ġew arrestati mir-residenza tagħhom.
Schembri u Buhagiar għażlu li jwieġbu għal xi domandi. Fosthom, Schembri qal li kien iddispjaċieh ta’ dak li ġara.

Qalilna wkoll li l-Perit kienet taċċedi fuq is-sit, u r-ritratti li kien jieħu Sofia bil-mobile kien jibgħathom lil Schembri biex ikun jaf x‘qed jiġri bħala owner tal-binja. “Kien jibgħat lil Sofia fuq il-lant tax-xogħol biex jibgħatlu ritratti ta’ kif tiela’ x-xogħol sabiex jara l-investiment kif sejjer”.

Wara li rat il-proċess verbal tal-Inkjesta Maġisterjali u semgħet ix-xhieda, il-Qorti qalet li hemm biżżejjed raġunijiet prima facie sabiex l-imputati kollha jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.

Il-każ ikompli fid-19 ta’ Settembru li ġej.

11:00 Il-Perit kienet taħt xokk kbir … bdiet tgħid li ħajjitha spiċċat

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello dalgħodu bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia wara l-kollass ta’ binja fil-qasam industrijali ta’ Kordin f’Diċembru li għadda.

Ħames persuni qed jiġu mixlija bil-qtil involontarju ta’ Sofia, li kellu 20 sena. Dawn huma l-iżviluppaturi Matthew Schembri ta’ 38 sena minn Birkirkara u Kurt Buhagiar ta’ 37 sena min-Naxxar, il-Perit Adriana Zammit ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar, u l-kuntrattur Milomir Jovicevic u martu Dirjana, it-tnejn ta’ 39 sena u residenti l-Imsida.

Fost akkużi oħra miġjuba kontrihom hemm li kkaġunaw ġrieħi ta’ natura gravi fuq ħames ħaddiema oħra li kienu fuq il-lant tax-xogħol meta waqgħet il-binja.

L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum kien il-Kuntistabbli Darren Farrugia. Huwa qal li fit-3 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, għall-ħabta tal-10.13 a.m., irċevew telefonata l-control room li fil-qasam industrijali ta’ Kordin kien ċeda saqaf bil-possibiltà li ndarbu xi individwi. Il-Kuntistabbli spjega li meta marru fuq il-post indikat, sabu li diġà marru jassistu xi membri tal-Protezzjoni Ċivili u xi ambulanzi. “Tlabna assistenza tal-RIU u ta’ TM biex jiġi kkontrollat it-traffiku. Kif wasalt, kien hemm krejn bil-pompa, miegħu kien hemm redimix u trakk żgħir li fuq il-parti ta’ wara kellu krejn,” kompla jfisser il-Kuntistabbli Farrugia.

“Kellimt lil ċertu Kenneth Cassar li kellu l-binja biswit fejn seħħ. Qalli li waqt li kien fl-uffiċċju tiegħu sema’ ħoss kbir, ittawwal mill-cameras u ra l-binja tiġġarraf. Fuq il-post waslu s-sidien tal-kumpanija Whitefrost, Matthew Schembri u Kurt Buhagiar”.

Il-Kuntistabbli Farrugia żied jgħid li ħadu d-dettalji ta’ dawn il-persuni u talbuhom jidenfitikaw kemm kien hemm nies preżenti fuq il-post tal-inċident, filwaqt li għamluhielhom ċara diversi drabi li l-iskop tagħhom dak il-ħin kien sabiex ikunu jafu xi kemm setgħu ġew midriuba jew inqabdu taħt it-tifrik, “iżda ma kinux kapaċi jgħidulna kemm kien hemm”.

Mix-xhieda tal-Kuntistabbli Farrugia, il-Qorti semgħet ukoll li preżenti fuq il-post kien hemm kuntrattur u ftit wara waslet il-Perit Adriana Zammit. “Din tal-aħħar kienet taħt xokk kbir u bdiet tgħid ‘ħajti spiċċat’ fost ħafna affarijiet”. Marru wkoll uffiċjali tal-OHSA. “Konna infurmati li kien hemm sitt persuni midruba. Ħamsa kienu ħarġu minn fuq il-post u ġejna infurmati li s-sitt persuna ma kinitx ħarġet qalb it-tifrik. L-aħħar wieħed irriżulta li kien jismu Jean Paul Sofia. Il-localistation tal-mobile phone tiegħu rriżulta li kien għadu jidher fil-post fejn konna. In-naħa l-oħra ta’ fejn waqgħet il-binja kien hemm kumapnija oħra u rajna wkoll CCTVs ta’ dik in-naħa. Għall-ħabta ta-d-9.35 a.m. il-binja ċediet”.

Huwa qal li tnejn mill-ħames persuni li ttieħdu l-isptar kienu fil-periklu tal-mewt, tnejn oħra ġarrbu ġreħi gravi u persuna oħra ġarrbet ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Ekonomija

Sport