Tuesday, December 24, 2024

Wieħed minn kull 150 persuna huma vittma ta’ skjavitù modern

Aqra wkoll

Rapport maħruġ min-Nazzjonijiet Uniti jgħid li l-iskjavitù modern qiegħed ikompli jiżdied u dan qiegħed iseħħ primarjament minħabba kunflitti armati, it-tibdil fil-klima u anke l-pandemija globali tal-Covid-19.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tikkalkula li 50 miljun persuna – jew wieħed minn kull 150 persuna – jinsabu maqbuda f’xogħol sfurzat jew inkella li żwiġijiet sfurzati. Din iċ-ċifra hija waħda tat-tħassib hekk kif din tindika żieda ta’ 10 miljun persuna meta mqabbla ma’ ħames snin ilu. L-ILO qalet li huwa evidenti li s-sitwazzjoni sejra għall-agħar u qalet li din hija xi ħaġa xokkanti. 

Guy Ryder, li huwa d-direttur ġenerali tal-ILO, qal li “xejn ma jista’ jiġġustifika dawn l-abbużi fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.” Huwa żied jgħid li din il-kwistjoni għandha bżonn l-għajnuna tal-imsieħba kollha kkonċernati bħall-unions tal-ħaddiema, organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, is-soċjetà ċivili u anke ċittadini ordinarji. L-ILO żiedet tirrimarka li għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, l-iskjavitù modern mhux qiegħed biss fost il-pajjiżi l-iktar faqar iżda anke fil-Punent, tant hu hekk li l-istatistika qiegħda turi li iktar minn nofs ta’ dawk li jagħmlu xogħ­ol sfurzat jinsabu f’pajjiżi meqjusa sinjuri. 

Ir-rapport imsemmi iktar kmieni jgħid li madwar id-dinja hemm 27.6 miljun persuna li jinsabu f’xogħol sfurzat u fost dawn hemm 3.3 miljun tifel u tifla. Minn dawn it-tfal, iktar minn nofshom qed jiġu sfruttati sesswalment. Imbagħad 22 miljun persuna oħra jinsabu fi żwiġijiet sfurzati – iktar minn żewġ terzi huma nisa – u ħafna mill-vittmi kellhom 15-il sena jew inqas meta ġew imġiegħla jiżżewġu. 

Dan ir-rapport iqis ix-xogħol sfurzat u anke ż-żwiġijiet sfurzati bħala skjavitù modern hekk kif f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet il-vittma ma jkunx jista’ jitlaq minħabba “theddid, vjolenza, qerq, abbuż ta’ poter u forom oħrajn ta’ kontroll”.

Ekonomija

Sport