Wieħed minn kull erba’ persuni li fl-2021 kienu jgħixu Malta twieldu f’pajjiż barrani. Fil-fatt, l-għadd ta’ dawn il-persuni li twieldu f’pajjiż ieħor fl-istess sena ammonta għal 25.7 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Malta.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nażżjonali tal-Istatistika turi li mill-2012 ‘il hawn, it-twelidijiet f’Malta bħala persenteġġ kompla jonqos minn sena għal oħra. L-istess ċifri jispjegaw illi filwaqt li fl-2012 kien hemm 94.4 fil-mija tal-popolazzjoni imwielda Malta, din il-figura niżlet għal 74.3 fil-mija fl-2021.
Madankollu, u għalkemm Malta għadha fost il-pajjiżi bl-inqas rata ta’ fertilità fl-Unjoni Ewropea, dawn il-figuri ma jfissrux li l-popolazzjoni Maltija qed tinxtorob imma juri li l-għadd ta’ immigranti lejn pajjiżna qed jiżdied kull sena.
Il-maġġoranza tal-persuni mhux imwielda f’Malta kellhom bejn il-25 u l-54 sena (78.1 fil-mija). 7.2 fil-mija oħra kellhom bejn 15 u 24 sena, filwaqt li 14.7 fil-mija kienu ta’ età bejn 55 u 74.
Dan huwa kemxejn differenti meta mqabbel mal-persuni mwielda f’Malta, fejn 51.9 fil-mija kellhom bejn il-25 u l-54 sena, 14.2 kienu fl-età bejn il-15 u l-24 filwaqt li, it-33.8 fil-mija li fadal kellhom bejn 55 u 74 sena.