Tuesday, May 14, 2024

WildEye – Pjattaforma diġitali ġdida li tittraċċa l-movimenti tal-għajnejn

Aqra wkoll

B’finanzjament ta’ €193,943.38 permezz tal-Programm R&I Fusion tal-Kunsill Malti għaxXjenza u tTeknoloġija (MCST), ġie żviluppat il-proġett WildEye mill-Università ta’ Malta fi sħubija ma’ Seasus Ltd. Din il-pjattaforma ġdida titraċċa l-movimenti tal-għajnejn u tipprovdi mezz ta’ komunikazzjoni alternattiva għal persuni li għandhom nuqqas ta’ mobilità. Permezz ta’ dan il-proġett, dawn il-persuni se jkunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum bħal pereżempju jħaddmu kompjuter u b’hekk ikunu qed itejbu l-kwalità tal-ħajja u l-indipendenza tagħhom. Dan huwa metodu addizzjonali li jippermetti kontroll ieħor għall-applikazzjonijiet tal-kompjuter, bħal kontroll ta’ apparat IOT.

Waqt li kien qed jindirizza avveniment bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku li sar fil-25 ta’ Jannar 2022 fil-bini tal-Esplora Planetarium, il-Kalkara, l-Onor. Owen Bonnici, Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qal: “Din hija tassew ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-aqwa tagħha, li qed tintuża verament għall-ġid. Il-proġett Wildeye żgur li se jħalli impatt konkret u pożittiv fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Huwa proprju għalhekk li aħna qatt ma nieqfu naffermaw l-importanza tal-investiment fir-Riċerka u l-Innovazzjoni biex jiġi ġġenerat il-ġid ekonomiku għal pajjiżna, iżda wkoll biex verament intejbu l-ħajja tan-nies.”

Dr Melchior Cini, Assistent Direttur tad-Diperatiment tal-Programmi tal-R & I lMCST, qal li “l-Innovazzjoni tevita li neħlu f’sistemi li huma staġnati minħabba il-biża’ ta’ falliment. Hija mod kif tieħu riskji kalkulati u kif tkun kreattiv. L-innovazzjoni teħtieġ il-kollaborazzjoni, l-implimentazzjoni u l-ħolqien ta’ valur. Illum kellna l-opportunità li napprezzaw il-kisbiet ta’ konsorzju kompost minn inġiniera kompetenti u akkademiċi ħawtiela.” Huwa żied jgħid li permezz ta riċerka intensiva, irnexxielhom ibiddlu l-paradigmi ta’ applikazzjonijiet ta’ teknoloġiji li jagħrfu ċ-ċaqliq tal-għajnejn, u li fetħu toroq ġodda f’dan il-qasam. 

F’din il-pjattaforma żviluppata, il-movimenti tal-għajnejn u tar-ras jinqabdu f’sensiela ta’ ritratti minn webcam, u minnufih jiġu pproċessati minn kompjuter sabiex tiġi kkalkulata d-direzzjoni tal-ħarsa tal-għajnejn billi tgħaqqad il-komponenti tal-għajn u tar-ras. Minn din id-direzzjoni tal-ħarsa tal-għajnejn jiġi identifikat il-punt fuq l-iskrin tal-kompjuter fejn tkun qed iħares biex tikkontrolla buttuni fuq l-iskrin li ġie żviluppat apposta skont il-preċiżjoni tal-ħarsa tal-individwu. L-iskrin fih 15-il buttuna li jistgħu jiġu attivati billi tħares lejhom għal perjodu ta’ ħin, jew billi tteptep għajnejk biex tikkonferma l-għażla.

Il-movimenti tal-għajnejn ilhom rikonoxxuti li jipprovdu mezz alternattiv ta’ komunikazzjoni, jew saħansitra li jagħtu l-possibbiltà li jikkontrollaw il-kompjuter. L-informazzjoni kbira li tinstab fil-movimenti tal-għajnejn ġibdet l-interess matul is-snin li waslet għal għadd ta’ strumenti li jistgħu jintużaw biex jittraċċaw l-għajnejn f’diversi oqsma, bħal fil-komunikazzjoni assistita, assistenza lis-sewwieq, u riċerka dwar il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar.

Sport