Monday, April 13, 2026

William Beck … jibqa’ wieħed mill-aktar ismijiet rispettati u influwenti fl-istorja tal-golf f’Malta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

William Beck jibqa’ wieħed mill-aktar ismijiet rispettati u influwenti fl-istorja tal-golf f’Malta. Il-vjaġġ tiegħu huwa marbut mill-qrib mal-iżvilupp kontinwu ta’ dan l-isport, fejn bħala mexxej u organizzatur mexxa l-golf Malti lejn orizzonti ġodda. Fil-fatt fil-preżent hu jokkupa l-kariga ta’ president tal-Malta Golf Association – kariga li ilu jokkupa għal dawn l-aħħar 20 sena minn meta twaqqfet l-assoċjazzjoni bl-intervent dirett tiegħu.

Bħala membru ddedikat tar-Royal Malta Golf Club fil-Marsa, Beck dejjem wera passjoni kbira lejn il-logħba. Wara ftit snin bħala membru huwa daħal għar-responsabbiltá l-ewwel bħala segretarju tal-kompetizzoni  li wasslitu biex isservi bħala Captain tal-klabb. Tliet snin wara twaqqfet l-assoċjazzjoni fejn Beck kellu rwol kruċjali fit-tkabbir u t-titjib tal-golf f’Malta. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-golf beda jitqies mhux biss bħala passatemp elitist, iżda bħala sport kompetittiv b’potenzjal reali fuq livell internazzjonali.

Għalkemm beda jilgħab meta kellu 38 sena, l-imħabba tiegħu għall-isport kienet evidenti, u b’passjoni kbira huwa ħadem biex joħloq opportunitajiet għall-ġenerazzjoni ġdida ta’ golfisti. Ħafna drabi, Beck kien wieħed mill-imħuħ wara programmi ta’ taħriġ lokali u inizjattivi biex il-golf isir aktar aċċessibbli għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Barra l-kompetizzjonijiet, huwa kien l-ewwel wieħed li kkonnettja l-golf Malti ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, jipparteċipa f’seminars, u jikkonsulta dwar regolamenti u standards. Il-ħidma u l-parteċipazzjoni tiegħu f’kungressi internazzjonali kienu essenzjali biex Malta tibda tidher fuq il-mappa tal-golf mondjali. Għal Beck, il-valur tal-golf mhux biss fil-kampjonati jew midalji, iżda fl-iżvilupp ta’ karattru u dixxiplina.

Huwa jemmen li billi jiffoka fuq l-edukazzjoni u l-promozzjoni, il-golf f’Malta għandu futur sabiħ u sostenibbli, fejn kemm il-plejers kif ukoll il-komunità jgawdu u jsaħħu l-isport.

Madankollu, l-akbar impatt tiegħu jidher fil-ħidma amministrattiva u organizzattiva. F’intervista riċenti li kellu ma’ dan is-sit elettroniku, Beck tkellem dwar is-suċċess tal-Malta Junior Open 2026, kompetizzjoni li kompliet tikber sena wara sena.

“Jiena kuntent ħafna bil-mod kif marret din il-kompetizzjoni, speċjalment meta tqis il-kundizzjonijiet diffiċli tat-temp,” qal Beck. “Kien hemm riħ qawwi u xita, u konna kważi dubjużi jekk inħassrux il-logħob jew le. Fl-aħħar sibna tieqa żgħira li ppermettilna nibdew nofs siegħa qabel u komplejna minn hemm.”

Il-fatt li l-organizzazzjoni rnexxielha tegħleb dawn l-isfidi juri l-livell għoli ta’ professjonalità li l-MGA laħqet taħt il-gwida tiegħu. Beck ma naqasx milli jagħti kreditu lil dawk kollha involuti: “Kull membru individwali kellu sehem importanti biex dan it-tournament ikun suċċess. Mingħajrhom, ma kienx ikun possibbli.”

Il-Malta Junior Open ta’ din is-sena kiser rekords, b’111 parteċipant minn 23 pajjiż differenti, inkluż kontingent kbir minn pajjiżi bħall-Awstrija u l-Ġermanja. Dan juri kemm l-avveniment qed jikseb reputazzjoni internazzjonali soda. “Bdejna dan it-tournament madwar tmien snin ilu u kull sena qed jikber,” spjega Beck. “Illum qed naraw parteċipazzjoni akbar u livell ogħla ta’ kompetizzjoni.”

Fuq il-korsa, il-kompetizzjoni kienet intensa minkejja l-kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli. Aleksandr Vagimov minn Malta u Chiara Bauer-Mitterlehner mill-Ġermanja ħarġu bħala r-rebbieħa ewlenin. Bauer-Mitterlehner kisbet rebħa drammatika fil-kategorija taħt it-18-il sena tan-nisa wara sudden death play-off, filwaqt li Vagimov wera konsistenza impressjonanti biex jirbaħ il-kategorija maskili.

Rebbieħa oħra inkludew lil Julia Bauer u Oliver Davis fil-kategoriji taħt il-21 sena, kif ukoll Lisa Huszar u Ezra Hartland taħt is-16-il sena. Dawn ir-riżultati jenfasizzaw il-livell għoli ta’ talent li kien preżenti matul il-kompetizzjoni.

Beck jemmen li tournaments bħal dawn huma essenzjali għall-futur tal-golf Malti. Fl-aħħar ta’ Lulju, Malta se tospita l-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet tal-Pajjiżi ż-Żgħar taħt il-patroċinju tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Golf – l-ewwel darba li turnew internazzjonali tal-golf ta’ dan il-kalibru ġej f’pajjiżna.

Taħt it-tmexxija tiegħu, il-MGA ffukat fuq l-iżvilupp taż-żgħażagħ, infrastruttura aħjar u opportunitajiet internazzjonali għall-plejers lokali. Huwa kien ukoll strumentali biex jattira sponsorships li jippermettu lill-plejers Maltin jikkompetu barra minn Malta

Lil hinn mir-riżultati u t-trofej, William Beck jibqa’ simbolu tal-valuri tal-golf: rispett, integrità u dedikazzjoni. Il-ħidma tiegħu ħalliet pedament sod li fuqu jista’ jibni l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ plejers.

Illum, il-golf f’Malta qed igawdi minn reputazzjoni dejjem tikber fuq livell internazzjonali, u ħafna minn dan jista’ jiġi attribwit għall-viżjoni u l-impenn ta’ Beck. Huwa mhux biss mexxej, iżda ambaxxatur veru tal-isport, raġel li ddedika ħajtu biex jara lill-golf Malti jiffjorixxi u jikseb ir-rikonoxximent li tassew jistħoqqlu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport