Sunday, December 22, 2024

William Saliba lest  li jibqa’ ma’ Marseille

Aqra wkoll

Id-difensur ċentrali ta’ Arsenal, William Saliba, afferma li jinsab lest li jibqa’ ma’ Marseille lil hinn mis-sajf li ġej.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena kien regolari għal Les Olympiens matul l-esperjenza ta’ self tiegħu fl-istaġun 2021-22 li kien it-tielet ċaqliq temporanju tiegħu ‘l bogħod minn Arsenal mill-iffirmar inizjali tiegħu fis-sajf tal-2019.

Saliba għad irid jagħmel dehra fl-ewwel team għall-Gunners iżda lagħab 40 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha għal Marseille f’dan l-istaġun, u d-difensur sostna li jekk jibqa’ jilgħab fl-Orange Velodrome “ma tkunx idea ħażina”.

“Qatt ma ħbejt il-fatt li nħossni tajjeb hawn,” qal Saliba. “Ma nafx x’se jkun hemm fil-futur tiegħi, għad fadalli xahrejn fil-kuntratt tiegħi. L-iktar ħaġa importanti hi li nikkwalifikaw għaċ-Champions League u mmorru tajjeb kemm jista’ jkun fil-UEFA Europa Conference League.

“Naħseb li se jsiru diskussjonijiet wara, fl-aħħar ta’ Mejju sal-bidu ta’ Ġunju, bejn Arsenal u Marseille – niddeċiedu f’dak il-punt. Imma li nibqa’ hawn żgur li ma tkunx idea ħażina. Iżda, dan kollu ma jiddependix minni!”

Jidher li  Arsenal qed jippreparaw biex jibdew taħditiet dwar il-futur ta’ Saliba fil-club wara li l-ex żagħżugħ ta’ Saint-Etienne rċieva l-ewwel sejħa tiegħu mat-team nazzjonali ta’ Franza aktar kmieni din il-ġimgħa.

Ekonomija

Sport