Għada, l-Ispanjol Carlos Alcaraz u s-Serb Novak Djokovic se jikkontestaw il-finali tal-Open ta’ Wimbledon wara li rebħu s-semi-finali rispettiva tagħhom.
Iċ-champion renjanti Alcaraz, għeleb lil Daniil Medvedev 6-7 (1-7) 6-3 6-4 6-4 biex ikkwalifika għall-finali għat-tieni darba konsekuttiva ta’ dan it-tournament filwaqt li jimmira li jirbaħ ir-raba’ Grand Slam tiegħu fl-etá ta’ 21 sena.
Wara li tilef l-ewwel set fejn deher li ma kienx issetilja, Alcaraz reġa’ ttrasforma l-forza enerġetika u qatt ma ħares lura biex bl-appoġġ tal-ispettaturi preżenti huwa reġa’ kiseb il-forma tiegħu.
Ta’ din l-etá tenera, huwa l-iżgħar tennista li tela’ fl-ewwel post tar-rankings tal-ATP kif ukoll huwa l-iżgħar li rebaħ tliet Grand Slams fuq uċuh differenti – dak tal-ħaxix, tat-tafal u dak l-aktar iebes.
Barra minn hekk, l-Ispanjol jinsab rebħa waħda biss ‘il bogħod milli jingħaqad ma’ Boris Becker u Bjorn Borg bħala l-uniċi tennisti fl-era tal-Open, li bdiet fl-1968, b’ħafna suċċessi fl-All England Club qabel ma jagħlaq it-22 sena.
Alcaraz rebaħ ukoll il-US Open, fl-2022, u l-French Open ix-xahar li għadda.
Fis-semi-finali l-oħra, Djokovic, rebbieħ ta’ 24 Grand Slams, għeleb lit-Taljan, Lorenzo Musetti, 6-4, 7-6 (7-2), 6-4 biex issa se jilgħab l-10 finali ta’ dan it-tournament.
Filwaqt li Musetti ngħata ovazzjoni tremenda minn dawk kollha preżenti għall-isforzi li għamel, Djokovic ġie milqugħ b’ibbuwjar hekk kif uża l-paletta bħallikieku qed idoqq il-vjolin.
Huma għamel din il-mossa sempliċiment għax it-tifla tiegħu, Tara, qed tigħallem dan l-instrument.
Wieħed irid jara proprju għada fil-finali kif se jkun milqugħ it-tennista Serb hekk kif jidher li bena realzzjoni ħażina mal-ispettaturi … nistennew u naraw!
*Illum, fis-Centre Court, tintlagħab il-finali tan-nisa bejn iċ-Ċeka Barbora Krejcikova u t-Taljana Jasmine Paolini, fit-3.00 pm.