Thursday, December 19, 2024

Wimbledon: Carlos Alcaraz iwarrab l-isfida ta’ Matteo Berrettini

Aqra wkoll

Is-seed numru wieħed, l-Ispanjol, Carlos Alcaraz, enfasizza l-istatus tiegħu bħala l-iktar player li jista’ iwaqqaf lil Novak Djokovic li jirbaħ Wimbledon ieħor wara li għeleb lill-finalista tal-2021, Matteo Berrettini, fir-raba’ round.

Iżda l-player numru wieħed tan-nisa, il-Pollakka Iga Swiatek, li kienet favorita netta, sfat eliminata mill-Ukrena Elina Svitolina.

L-Ispanjol ta’ 20 sena ssielet lura biex rebaħ 3-6 6-3 6-3 6-3 u wasal sal-kwarti-finali f’SW19 għall-ewwel darba.

Djokovic ta’ 36 sena jibqa’ l-player li wieħed irid jegħleb wara r-rebħa diffiċli li kellu fuq il-Pollakk Hubert Hurkacz. Iżda Alcaraz ħareġ bħala l-isfidant ewlieni tad- dominanza riċenti tas-Serb fl-All England Club.

Is-seed numru 6, in-Norveġiż Holger Rune, kiseb rebħa ta’ erba’ sets kontra dak numru 34, il-Bugaru Grigor Dimitrov, fejn wara li dan rebaħ l-ewwel set imbagħad tilef it-tnejn ta’ wara b’tie-breaks u ssiġilla r-rebħa fir-raba’ set biex ħareġ rebbieħ 3-6 7-6 (8-6) 7-6 (7-4) 6-3. 

L-Amerikan ta’ 27 sena li ffjorixxa tard, Christopher Eubanks, kiseb rebħa famuża meta għeleb lill-Grieg seed numru 5, Stefanos Tsitsipas, f’logħba epika li marret sal-aħħar bil-pun­teġġ ta’ 3-6 7-6 (7-4) 3-6 6-4 6-4 biex għadda għall-ewwel kwarti-finali tiegħu tal-Grand Slam fl-istaġun tad-debutt tiegħu fil-Main Draw.

“Inħoss li bħalissa qed ngħix ħolma. Din hija assolutament tal-ġenn. Ippruvajt ninblokka kollox u niffoka fuq il-partita li jmiss. Din hija ħolma, hija surreali, hija nkredibbli. Ma nistax nemmen dan,” qal Eubanks.

It-Taljan, Jannik Sinner, għadda għas- semi-finali ta’ Grand Slam għall-ewwel darba meta għeleb lir-Russu, Roman Safiullin.

Huwa kellu ċaqliq  ‘il hawn u ‘il hinn fit-tieni set, iżda għall-parti l-kbira huwa kien qed jilgħab tennis intens fuq Court One biex finalment rebaħ f’erba’ sets, 6-4 3-6 6-2 6-2

L-ewwel żewġ players li għaddew għas-semi-finali tan-nisa kienu l-wildcard Svitolina li għelbet lill-aqwa seed, Swiatek, fejn issa se tiltaqa’ kontra ċ-Ċeka, Marketa Vondrousova, li wkoll ikkawżat sorpriża.

Svitolina, li rritornat għat-tour f’April wara li welldet lil bintha f’Ottubru, rebħet 7-5 6-7 (5-7) 6-2 hekk kif il-forehand ta’ Swia­tek abbandunaha.

“Hija sensazzjoni nkredibbli,” qalet l-eks numru 3 tad-dinja, Svitolina, 28 sena.

Mistoqsija kif kienet se tipprepara għas- semi-finali ta’ għada, Svitolina wieġbet b’daħka: “Insomma, l-ewwel nett aktarx li se nieħu birra.

“Se nieħu pjaċir b’dan mat-team tiegħi. Fil-bidu tat-tournament jekk xi ħadd qalli li se nkun fis-semi-finali u nirbaħ lin-numru wieħed tad-dinja, ngħid li huma mġienen.”

Minbarra li waslet biss disa’ xhur wara li saret omm, il-kisba tagħha li tqabbel l-aqwa riżultat tagħha ta’ Grand Slam waslet fl-isfond tal-gwerra f’pajjiżha.

Swiatek ilha liebes żigarella safra u blu bil-kuluri tal-bandiera tal-Ukrajna b’appoġġ għall-pajjiż mill-invażjoni u Svitolina esprimiet l-apprezzament tagħha fl-intervista tagħha fil-court.

Vondrousova li mhijiex issidjata, għelbet lir-raba’ seed, l-Amerikana Jessica Pegula, 6-4 2-6 6-4.

Jekk għal Vondrousova din se tkun l-ew­wel semi-finali tagħha, għal Pegula kienet is-sitt darba li sofriet telfa fil-kwarti-finali ta’ Grand Slam f’dawn l-aħħar sentejn.

F’żewġ logħbiet mir-round tal-Aħħar 16 li ntlagħbu nhar it-Tnejn, Ons Jabeur u Aryna Sabalenka għaqqdu l-kwadra tal-kwarti-finali fejn it-Tuneżina warrbet l-isfida tal-ħabiba tagħha, iċ-Ċeka Petra Kvitova b’mod faċli meta għelbitha 6-0 6-3.

Il-konfront bejn il-Belarussa Sabalenka r-Russa Ekaterina Alexandrova ntemm b’reb­ħa faċli għal tal-ewwel 6-4 6-0.

Illum se jintlagħbu l-kwarti-finali l-oħra kif ġej:

Irġiel: Carlos Alcaraz v Holger Rune;  Daniil Medvedev v Christopher Eubanks.

Nisa: Ons Jabeur u Elena Rybakina; Madison Keys v Aryna Sabalenka.

Ekonomija

Sport