Saturday, October 26, 2024

Wimbledon: Iga Swiatek u Daniil Medvedev jgħaddu għat-tielet round

Aqra wkoll

Il-player numru wieħed tad-dinja, Iga Swia­tek, għaddiet għat-tielet round tat-tournament ta’ Wimbledon meta b’mod faċli eliminat lill-Ispanjola, Sara Sorribo Tormo, 6-2 6-0.

Swiatek riedet tagħlaq il-logħba meta x-xita bdiet nieżla bl-irxiex pero’ ma rnexxelhiex għax Sorribo Tormo fajjret ace għal 30-40, iżda kienet il-Pollakka li ssiġillat postha fir-round li jmiss b’bagel.

Hija dehret xi ftit imħawwda fil-bidu nett tal-ewwel set iżda malajr sabet ir-ritmu tagħha, biex ħalliet lill-Ispanjola fin-numru 82 tad-dinja, warajha.

Il-Brittannika Jodie Burrage dehret megħ­luba min-nervi hekk kif id-debutt tagħha fis-Centre Court intemm f’siegħa b’telfa kontra l-11-il seed, Daria Kasatkina tar-Russja, 6-0 6-2, li għaddiet għat-tielet round.

L-Amerikana Danielle Collins kisbet reb­ħa ta’ 6-4 6-4 kontra Julia Grabher tal-Awstrija waqt li r-Russa Ekaterina Alexandrova eliminat lil Emma Navarro tal-Istati Uniti, 6-4 6-3.

F’logħbiet oħra tan-nisa, l-Amerikana Sloane Stephens għelbet lil Rebecca Peterson tal-Isvezja, 6-2 6-3, l-Ukrena Marta Kostryuk lil Maria Sakkari tal-Greċja, 0-6 7-5 6-2, Anett Kontaveit tal-Estonja lit-Taljana, Lucrezia Stefanini, 6-4 6-4, Jacqueline Cristian lil Lucia Bronzetti tal-Italja 6-3 6-4 u Beatrix Haddad Maia tal-Brażil lil Yulia Putintseva tal-Kazakhstan, 3-6 6-0 6-4.

Is-seed numru 3 tal-irġiel, ir-Russu, Daniil Medvedev, rebaħ lill-Britanniku Arthur Fery, b’mod faċli, 7-5, 6-4, 6-3, biex għadda għat-tieni round, bħal m’għamel il-Bulgaru, Grigor Dimitrov, li għeleb lill-Ġappuniż, Sho Shimabukuro, 6-1 6-2 6-1.

Jiri Lehecka tar-Rep. Ċeka, kiseb rebħa bi tliet sets simili meta għeleb lil Sebastian Ofner tal-Awstrija, 6-4 6-4 6-4.

Iżda l-Ispanjol Roberto Bautista-Agut safa megħlub f’ħames sets mir-Russu, Roman Safiullin, 2-6 7-6 (9-7) 6-7 (4-7) 6-4 7-5.

Il-Kanadiż Milos Raonic li ilu xi ftit ma jieħu sehem fil-maġġuri, għeleb lill-Awstrijak Dennis Novak, 6-7 (5-7) 6-4 7-6 (7-5) 6-1.

Andy Murray żamm ir-rekord tiegħu li qatt ma tilef fl-ewwel round fit-tournament ta’ Wimbledon wara rebħa nkoraġġanti fuq il-Brittaniku sieħbu, Ryan Peniston.

Iċ-champion darbtejn, Murray, klassifikat fl-40 post fid-dinja, beda bil-mod kontra l-wildcard Peniston fuq is-Center Court. Iżda l-Iskoċċiż wera d-differenza fil-klassi meta ġġieled il-break points bikrija, qabel ma għolla l-livell tiegħu biex rebaħ 6-3 6-0 6-1.

In-numru wieħed Ingliż, Cameron Norrie, semi-finalista s-sena l-oħra, rebaħ 6-3 4-6 6-1 6-4 kontra ċ-Ċek Tomas Machac.

Iżda Dan Evans, issidjat fis-27 post, tilef 6-2 6-3 6-7 (5-7) 6-4 kontra Quentin Halys ta’ Franza.

L-Arġentin Tomas Martin Etcheverry, tilef l-ewwel żewġ sets kontra l-Ispanjol, Bernabe Zapata Mirallas, 6-7 (5-7) 5-7 6-3 6-4 7-5, iżda kien tajjeb biżżejjed biex rebaħ it-tlieta ta’ wara u l-logħba waqt li t-Taljan Jannick Sinner elimina lill-Arġentin l-ieħor, Juan Manuel Cerundolo, fi tliet sets simili, 6-2 6-2 6-2.

Iżda t-tielet Arġentin fl-azzjoni, Diego Schwartzmann għeleb lis-Serb, Miomir Kecimanovic b’mod faċli, 6-0 6-3 6-4 bħal ma għamel il-Kolumbjan, Daniel Galan li rebaħ l-ewwel logħba tiegħu meta elimina lill-Ġappuniż Yoshihito Nishioka fi tliet sets ukoll, 6-4 6-3 6-3.

Il-konfront kollu Ġermaniż ra lil Oscar Otte jegħleb lil Dominik Koepfer fi tliet sets missielta, 7-5 6-3 7-6 (11-9).

L-Amerikan Taylor Fritz kiseb rebħa ta’ ħames sets meta ltaqa’ kontra Yannick Hanf­mann bil-punteġġ ta’ 6-4 2-6 4-6 7-5 6-3 fejn kellu jagħmel rimonta wara li l-Ġermaniż kien mar 2-1 minn fuq.

L-Amerikan Frances Tiafoe għeleb liċ-Ċiniż Wu Yibing bil-punteġġ ta’ 7-6 (7-4) 6-3 6-4 waqt li n-Norvegiż Holger Rune elimina lill-Britanniku George Loffhagen  fi tliet sets ukoll, 7-6 (7-4) 6-3 6-2.

Sport