Sunday, December 29, 2024

Wimbledon: L-aqwa żewġ players jikkwalifkaw għall-Aħħar 16

Aqra wkoll

Il-player numru wieħed tad-dinja, Carlos Alcaraz, u dak numru 2, Novak Djokovic, għaddew għall-Aħħar 16 tat-tournament ta’ Wimbledon biex komplew għaddejjin fit-triq li tista’ twassalhom sal-finali tant mistennija.

Alcaraz għeleb liċ-Ċilen, Nicolas Jarry, f’erba’ sets, 6-3 6-7 (6-8) 6-3 7-5 bl-ovazzjoni li ngħataw fit-tmiem ta’ tliet sigħat u 56 minuta logħob tkun waħda mistħoqqa meta pproduċew azzjoni brillanti, eċċitanti u drama.

L-Ispanjol issupera l-ewwel żewġ rounds iżda kellu jaħdem ħafna biex finalment elimina liċ-Ċilen seed numru 25 tant li fl-aħħar set huwa kien 4-0 minn taħt iżda b’rimonta fenominali rebaħ seba’ mit-tmien games li saru.

Iċ-champion renjanti, Djokovic, għeleb lir-rival antik tiegħu, Stan Wawrinka, biex għadda mal-Aħħar 16 u resaq eqreb lejn it-tmien titlu tiegħu f’Wimbledon.

Djokovic rebaħ 6-3 6-1 7-6 (7-5) f’partita li spiċċat 14-il minuta qabel il-ħin stipulat tat-tmiem tal-logħob fil-11.00 pm, ħin Ingliż, nhar il-Ġimgħa filgħaxija.

Wawrinka, 38 sena, huwa rebbieħ tliet darbiet tal-Grand Slam, fejn għeleb lil Djokovic fi tnejn minn dawk il-finali – il-French Open tal-2015 u l-US Open tal-2016 – iżda kien qal li kellu żero tamiet li jirbaħ it-tournament u “l-ebda ċans” li jegħleb lil Djokovic ta’ 36 sena.

Is-Serb iddomina l-ftuħ taż-żewġ sets, li rebaħhom f’67 minuta, fejn waqqa’ biss erba’ games waqt li għamel dan, b’Warwrinka jipproduċi prestazzjoni aħjar fit-tielet set.

Iżda Djokovic, li qed jimmira li jilħaq ir-rekord ta’ Roger Federer ta’ tmien titli, aċċerta li l-partita ma tmurx fil-ħin barrani hekk kif ssielet lura minn 5-3 minn taħt fit-tie-break biex għadda mal-Aħħar 16.

Il-Grieg Stefanos Tsitsipas rebaħ ukoll meta għeleb lis-Serb, Laszlo Djere, 6-4 7-6    (7-5) 6-4, u issa jiltaqa’ kontra l-Amerikan Christopher Eubanks li għeleb lill-Awstraljan Christopher O’Connell fi tliet sets kollha b’tie-break, 7-6 (7-5) 7-6 (7-3) 7-6 (7-2).

Ir-Russu Daniil Medvedev tilef l-ewwel set kontra l-Ungeriż Marton Fucsovics iżda rebaħ il-logħba 4-6 6-3 6-4 6-4, bl-aħħar Britanniku li kien fadal, Liam Broady, safa megħlub mill-Kanadiż, Denis Shapovalov, li għelbu 4-6 6-2 7-5 7-5.

Logħba li marret sal-aħħar rat liċ-Ċek, Jiri Lehecka, jelimina lill-Amerikan, Tommy Paul, 6-2 7-6 (7-2) 6-7 (5-7), 6-7 (9-11), 6-2.

Fil-kategorija femminili, iċ-Ċeka Petra Kvi­tova, kompliet fit-triq tar-rebħ meta għelbet lis-Serba, Natalija Stevanovic, 6-3 7-5, bil-Brażiljana Beatriz Haddad Maia telimina lil Sorana Cirstea tar-Rumanija, 6-2 6-2.

Is-seed numru 2, Ayrna Sabalenka tal-Belarus, kisbet rebħa tajba meta għelbet lir-Russa, Anna Blinkova, 6-2 6-3.

Iżda r-Russa l-oħra, Ekaterina Alexandrova, għaddiet għall-Aħħar 16 ukoll meta għelbet lill-Ungeriża, Dalma Galfi, 6-0 6-4.

Ekonomija

Sport