Sunday, November 24, 2024

Wimbledon: Novak Djokovic jagħmel rimonta kbira u jegħleb Jannik Sinner

Aqra wkoll

Fl-ewwel ġurnata tal-kwarti-finali tat-tournament tal-Grand Slam ta’ Wimbledon, kien is-Serb Novak Djokovic li kien l-ewwel li għadda għas-semi-finali meta warrab l-isfida tat-Taljan, Jannik Sinner, wara li dan kien fetaħ vantaġġ ta’ żewġ sets.

Djokovic ingħata qatgħa kbira minn Sinner qabel ma ġġieled lura biex rebaħ f’ħames sets u wasal sas-semi-finali.

L-aqwa seed u champion renjanti, li qed jipprova għar-raba’ tit­lu konsekuttiv u s-seba’ ġenerali f’SW19, rebaħ 5-7 2-6 6-3 6-2 6-2 fis-Center Court.

Sinner, 20 sena, kien ispirat fl-ewwel żewġ sets iżda spiċċa hekk kif Djokovic tjieb wara ftuħ erratiku u mrażżan.

Djokovic qal fl-intervista tiegħu fil-court: “Għall-ewwel żewġ sets, kellna żewġ logħbiet differenti meta mqabbla mal-aħħar tlieta.

“Kien l-aħjar player għall-ewwel żewġ sets. Ħriġt u ffriskajt, ħadt toilet break, kellimt lili nnifsi fil-mera, hija l-verità,” qal Djokovic.

L-avversarju ta’ Djokovic fis-semi-fimali jkun l-Belġjan David Goffin jew il-Britanniku Cameron Norrie.

L-Ispanjol Rafael Nadal, kom­pla bit-tentattiv tiegħu għal Grand Slam kalendarju b’rebħa ta’ 6-4 6-2 7-6 (8-6) fuq l-Olandiż, Botic van de Zandschulp.

Nadal qed jilgħab l-ewwel Wimbledon tiegħu mill-2019 u l-ew­wel minn meta kellu trattament bir-radjufrekwenza fuq il-ferita kronika tiegħu f’siequ biex itaffi l-uġigħ fin-nervituri fit-tul.

Nadal, li qed jimmira għat-tielet titlu f’Wimbledon, kien fil-kontroll tal-partita fl-ewwel żewġ sets, salva l-uniku break point li ffaċċja fi triqtu biex jieħu l-vantaġġ.

“Naħseb li komplejt b’mod po­żittiv sal-aħħar fejn lgħabt logħba ħażina,” qal Nadal.

“B’mod personali, għalija li nista’ nkun fil-kwarti-finali wara tliet snin hija aqwa għalija u għalhekk ninsab kuntent ħafna, ħafna.”

MARIA FIS-SEMI-FINALI

Tatjana Maria waslet għall-ew­wel semi-finali tagħha ta’ Grand Slam b’rebħa ta’ rimonta fuq Jule Niemeier. In-numru 103 tad-dinja Maria għelbet lill-kompatrijott tagħha Ġermaniż 4-6 6-2 7-5 f’konfront divertenti.

Maria, 34 sena, kienet klassifikata barra l-aqwa 250 sa Marzu u reġgħet lura għat-tour sena ilu biss wara li kellha t-tieni wild tagħha.

Maria waqqgħet ir-rakketta mal-art u qagħdet b’ħalqha mgħotti b’nuqqas ta’ twemmin wara li r-reb­ħa tagħha ġiet konfermata b’volley mitluf.

Hija ġriet max-xibka għal tgħanniqa twila ma’ Niemeier qabel irringrazzjat lill-folla, għadha tħawwad rasha xokkjata.

“Holma li ngħix dan mal-familja tiegħi, li ngħix dan maż-żewġ ibniet tiegħi. Kważi sena ilu wellidt, huwa tal-ġenn,” qalet Maria.

“Għandi x-xwiek ġewwa fija kullimkien. Naħseb li llum għamilna lill-Ġermanja tassew kburija wara l-partita tagħna.”

L-avversarja ta’ Maria fis-semi-finali se tkun it-Tuneżina, Ons Jabeur, jew iċ-Ċeka Barbora Bouzkova.

Fiż-żewġ logħbiet tat-Tnejn fil-għaxija, l-Amerikana Amanda Anisimova waqqfet il-mixja tal-Franċiża, Harmony Tan, meta għelbitha 6-3 6-3.

Iżda l-Awstraljana Ayla Tomljanovic irreżistiet lill-Franċiża Alize Cornet meta għelbitha fi tliet sets 4-6 6-4 6-3.

Illum jintlagħbu l-erba’ kwarti-finali l-oħra kif ġej – Irġiel: Taylor Fritz v Rafael Nadal; Cristian  Garin v Nick Krygios; Nisa: Simona Halep v Amanda Anisimova; Ayla Tomljanovic v Elena Rybakina. 

Sport