Iċ-champion renjanti ta’ Wimbledon, Novak Djokovic, kellu bżonn set wieħed biss biex jasal sal-kwarti-finali tat-tournament ta’ Wimbledon wara li l-partita eċċitanti tiegħu ma’ Hubert Hurkacz ma setgħetx titlesta fil-ħin nhar il-Ħadd filgħaxija minħabba li wara l-11.00 pm il-logħob jieqaf.
Meta reġa’ l-logħob ilbieraħ wara nofsinhar, Djokovic kien qed igawdi vantaġġ ta’ żewġ sets u finalment huwa ħareġ rebbieħ 7-6 (8-6) 7-6 (8-6) 5-7 6-4.
Djokovic rebaħ Wimbledon seba’ darbiet u qed jimmira li jilħaq ir-rekord ta’ tmien rebħiet ta’ Roger Federer fis-singles tal-irġiel.
Is-Serb ta’ 36 sena kien għadu ma tilifx set fil-kampjonat ta’ din is-sena, iżda kellu jissielet lura minn 6-3 minn taħt fit-tie-break tal-ftuħ kontra l-Pollakk.
Madankollu, Djokovic rebaħ ħames punti konsekuttivi hekk kif Hurkacz naqas milli jikkonverti tliet set points konsekuttivi.
It-tieni set mar ukoll id-distanza kollha hekk kif is-17-il seed, Hurkacz, li għeleb lil Federer fil-kwarti-finali tal-2021 f’dik li wriet li kienet l-aħħar logħba tal-leġġendarju Svizzeru f’Wimbledon, kien sfidant denju.
Hurkacz qabel kien salva tliet break points fis-seba’ logħba tat-tieni set, laħaq veloċitajiet ta’ 139 mil fis-siegħa bis-service tiegħu u pproduċa 23 aces matul iż-żewġ sets tal-ftuħ, iżda ma setax iżomm lil Djokovic li reġa’ rebaħ it-tie-break 8-6.
Madankollu, it-tielet set intrebaħ mill- Pollakk 7-5. Min-naħa tiegħu, Djokovic deher xi ftit diżorjentat u beda jitlef il-konċentrazzjoni, iħares lejn it-team tiegħu biex bħal donnhom jagħtuh it-tweġibiet.
Peró huwa stess sabhom fir-raba’ set meta beda japprofitta mill-iżbalji tal-avversarju tiegħu biex ibbrejkjalu t-tieni service tiegħu bil-konsegwenza li kkonverta t-tielet break point għal 6-4.
Iċ-Ċek, Jiri Lehecka, kien żewġ sets minn taħt meta huwa sejjaħ li jieqaf u jirtira mweġġa’ meta r-Russu Daniil Medvedev kien qed jillidja 6-4 6-2.
Fl-aħħar round, huwa kellu jilgħab erba’ sigħat u ħames sets biex għeleb lil Tommy Paul u dan deher li laħaq miegħu. Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena kellu bżonn kura għan-nuffati f’siequ l-leminija wara l-ewwel set u qatt ma deher li kien se jitjieb fit-tieni wieħed.
Dan ifisser li t-tielet seed Medvedev għadda għall-ewwel kwarti-finali tiegħu f’SW19.
Fil-kategorija tan-nisa, il-Brażiljana Beatriz Haddad Maia ħarġet bid-dmugħ f’għajnejha meta fl-ewwel set kontra ċ-champion renjanti, Elena Rybakina, kellha tirtira b’uġigħ f’darha meta l-iskor fl-ewwel set kien 4-1 favur il-Kazakstana.
Il-mixja tar-Russa ta’ 16-il sena, Mirra Andreeva, intemmet f’kontoversja wara li ġiet penalizzata punt minħabba li tefgħet ir-rakketta. Dan wara li kienet ġiet imwissija talli għamlet l-istess wara li tilfet it-tieni set, irċeviet il-penalitá li ta match point lill-Amerikana Madison Keys fil-logħba tar-raba’ round li hija rebħet 3-6 7-6 (7-4) 6-2.
Is-seed numru wieħed, Iga Swiatek, salvat żewġ match points biex għelbet liċ- champion Olimpika, Belinda Bencic tal-Isvizzera, b’mod eċċitanti biex waslet għall-ewwel kwarti-finali f’Wimbledon.
Il-Pollakka kienet fix-xifer li titlef kontra l-istrateġija ta’ riskju għoli ta’ Bencic qabel irkuprat biex rebħet 6-7 (4-7) 7-6 (7-2) 6-3.
Swiatek issa tiffaċċja lil Elina Svitolina wara li l-Ukrena għelbet lil Victoria Azarenka tal-Belarus f’logħba oħra klassika tan-nisa li kienet għaddejja fl-istess ħin. Svitolina rebħet 2-6 6-4 7-6 (11-9).
Anke r-raba’ seed, l-Amerikana Jessica Pegula, ipproduċiet wirja dominanti biex għelbet lin-numru 60 tad-dinja, l-Ukrena Lesia Tsurenko, u għaddiet mal-aħħar tmienja għall-ewwel darba.