Saturday, December 14, 2024

Wimbledon: Novak Djokovic u Iga Swiatek jibdew b’rebħa komda

Aqra wkoll

Iċ-champion renjanti u seed numru tnejn, Novak Djokovic, beda t-triq lejn it-tmien titlu tiegħu meta l-bie­raħ ingħata bidu għat-tournament ta’ Wimbledon. Huwa elimina lill-Arġentin, Pedro Cachin, fi tliet sets, 6-3 6-3 7-6 (7-4).

Il-fortuna tkompli tidħak lil Djokovic hekk kif iċ-champion seba’ darbiet kompla r-rekord kburi li qatt ma tilef logħba fl-ewwel round f’Wimbledon.

Il-player numru 2 tad-dinja nżamm minn sforz qalbieni mid-debuttant Cachin li qala’ ovazzjoni mill-folla tas-Centre Court hekk kif ħareġ mill-arena.

Djokovic dam jissielet sagħtejn u 15-il minuta kontra n-numru 68 tad-dinja f’dik li żgur kienet sfida kemmxejn diffiċli għall-player Serb.

David Goffin qatta’ tmiem il-ġimgħa jaħseb li kien se jiffaċċja lil Nick Kyrgios fuq Court One, iżda l-irtirar tal-Awstraljan fisser bidla fl-avversarju tal-ewwel round għall-Belġjan.

Is-sostitut ta’ Kyrgios fil-polza prinċipali, Fabian Marozsan tal-Ungerija, ġie megħlub f’erba’ sets, 6-2 5-7 6-2 6-0 fuq Court Two – u Goffin, 32 sena, kiseb post fit-tieni round, wara li s-sena l-oħra wasal sal-kwarti-finali.

L-ewwel player li għadda mill-irġiel il-bieraħ kien ir-Russu, Andriy Rublev, li għeleb lill-Awstraljan Max Purcell, 6-3 7-5 6-3 f’siegħa u 33 minuta.

F’logħbiet oħra, Lorenzo Musetti (Italja) għeleb lil Juan Pablo Virallas (Peru) 6-3 6-1 7-5; Jordan Thompson (Awstralja) lil Brandon Nakashima (US) 2-6 2-6 6-4 7-6 (74) 6-3.

L-aqwa seed fil-kategorija femminili, Iga Swiatek, stabbiliet marka fl-ewwel ġurnata tat-tournament ta’ Wimbledon bi prestaz­zjoni dominanti fuq iċ-Ċiniża, Zhu Lin.

Swiatek rebħet 6-1 6-3 kontra n-numru 34 tad-dinja, li kienet waħda mill-ogħla players li setgħet tiffaċċja.

Il-Polakka Swiatek ta’ 22 sena hija meq­jusa bħala waħda mill-favoriti għat-titlu tan-nisa, iżda qatt ma rnexxielha tmur lil hinn mir-raba’ round fuq il-ħaxix f’SW19.

Madankollu, iċ-champion tal-French u tal-US Opens bdiet it-tfittxija tagħha biex iżżid titlu ieħor maġġur fuq wiċċ ieħor bi stil.

Ir-raba’ seed Jessica Pegula, ingħaqdet ma’ Swiatek fit-tieni round meta għelbet lill-kompatrijotta Amerikana, Lauren Davis, 6-2 6-7 (8-10) 6-3.

Is-seed numru 19, il-Belarussa Victoria Azarenka, darbtejn champion tal-Grand Slam u eks semi-finalista f’Wimbledon, ukoll avvanzat b’rebħa ta’ 6-4 5-7 6-4 fuq iċ-Ċiniża, Yue Yuan.

Iżda fil-ġurnata tal-ftuħ tal-Kampjonati diġà sfat eliminata player issidjata. Din hija r-Russa Liudmila Samsonova, issidjata fil-15-il post, li ġiet megħluba 7-6 (7-1) 7-6 (7-4) mir-Rumena, Ana Bogdan.

Ekonomija

Sport