Thursday, December 19, 2024

Wimbledon: Rimonta kbira minn Cristian Garin

Aqra wkoll

Meta l-bieraħ intemm il-logħob tar-raba’ round tat-tournament tal-Grand Slam ta’ Wimbledon kien għad fadal il-kontront bejn Rafael Nadal u Botin van de Zandschulp.

Iżda żewġ logħbiet li marru sal-aħħar raw liċ-Ċilen, Cristian Garin, jegħleb lill-Awstraljan, Alex De Minaur, u l-kompatrijott tiegħu, il-kontroversjali Nick Krygios jegħleb lill-Amerikan, Brandon Nakashima, 6-4 4-6 6-7 (2-7) 6-3 6-2.

Service u volley raw lill-Awstraljan jirbaħ il- logħba u jgħaddi għall-aħħar tmienja ta’ Grand Slam għall-ewwel darba f’seba’ snin. Iżda kienet wirja qalbiena minn Nakashima tant li wera li se jirritorna għal ħafna snin oħra f’Wimbledon. Iżda mhux qed jaħseb dwar dan bħalissa.

Krygios faħħar l-isforzi tal-player ta’ 20 sena tant li qal li se jibqa’ sejjer u jagħmel affarijiet kbar fis-snin li ġejjin. 

“Ma kinitx viċin l-aqwa wirjiet tiegħi, iżda bqajt nissielet, il-folla kienet tal-għaġeb,” tenna Krygios.

Ma kelliex tkun kwarti-finali kollha Awstraljana meta De Minaur safa megħlub minn Garin wara li kien żewġ sets minn fuq, biċ-Ċilen jirbaħ it-tlieta ta’ wara meta l-ewwel ippareġġa għal 2-2 u fis-set deċiżiv li daħal f’tie-break ir-rebbieħ seta’ kien wieħed jew l-ieħor.

Iżda Garin ippersevera u ħareġ rebbieħ 2-6 5-7 7-6 (7-3) 6-4 7-6 (10-6) f’logħba li damet sejra ħames sigħat naqsin erba’ minuti.

Awstraljan ieħor li m’għamilhiex għall-aħħar tmienja kien Jason Kubler li ġie eliminat fi tliet sets mill-Amerikan, Taylor Fritz, 6-3 6-1 6-4.

DJOKOVIC JGĦADDI

IŻDA ALCARAZ JITLEF

Iċ-champion renjanti, Novak Djokovic, kompla jfittex is-seba’ titlu ta’ Wimbledon hekk kif wasal sal-kwarti-finali b’rebħa ta’ erba’ sets fuq il-wildcard Olandiż, Tim van Rijthoven.

Meta qed jitħabat għar-raba’ trijonf konsekuttiv f’SW19, l-aqwa seed rebaħ 6-2 4-6 6-1 6-2 fuq is-Center Court.

Van Rijthoven, klassifikat fil-104 post, ferraħ lill-folla hekk kif ħa t-tieni set, u rreżista l-kwalita’ tas-Serb għal ħafna mill-ħin. Iżda r-rebbieħ ta’ 20 titli tal-Grand Slam, Djokovic, 35 sena, wieġeb b’mod enfatiku għal dak l-intopp u issa se jiltaqa’ kontra avversarju aktar diffiċli f’Jannik Sinner.

L-10 seed Taljan, Sinner, elimina lill-adolex­xenti Spanjol ta’ talent enormi, Carlos Alcaraz, f’erba’ sets  ukoll, 6-1 6-4 6-7 (8-10) 6-3, aktar tard nhar il-Ħadd.

Djokovic, li se jikkontesta kwarti-finali ta’ Wimbledon għat-13-il darba, issa rebaħ 25 partita konsekuttiva fil-livell tat-Tour fuq il-ħaxix – it-tielet l-itwal sensiela bħal din fl-Era Open.

Jannik Sinner, 20 sena, ipproduċa wirja impressjonanti kollha kemm hi biex għeleb lill-ħames seed, Alcaraz, 19-il sena, f’laqgħa bejn żewġ players meqjusa bħala stilel emerġenti fil-logħba tal-irġiel.

Is-service kbir ta’ Sinner tah pedament sod u xi ritorni ħarxa minn kull naħa poġġewh fil-kontroll kontra Alcaraz tipikament tenaċi, li salva żewġ match points qabel ma dawwar it-tie-break tat-tielet set.

HALEP B’REBĦA FAĊLI

Ir-Rumena Simona Halep, eks-champion f’Wim­­­bledon, għaddiet għall-aħħar tmienja b’reb­ħa faċli fuq l-Ispanjola, Paula Badosa, meta għebitha 6-1 6-2.

Anke l-player mill-Kazakhstan, Elena Rybakina, kisbet rebħa b’żewġ sets iżda l-avversarja tagħha, il-Kroata Petra Martic, tatha logħba iktar diffiċli b’Rybakina tirbaħ 7-5 6-3.

It-Tuneżina Ons Jabeur, kompliet tavvanza wkoll meta għelbet lill-Belġjana, Elize Mertens, 7-6 (11-9) 6-4.

Ekonomija

Sport