Friday, December 13, 2024

Wimbledon: Zverev u Djokovic jibqgħu javvanzaw

Aqra wkoll

Il-player numru 2 tad-dinja, is-Serb Novak Djokovic, kif ukoll is-seed numru 21, Alex­ander Zverev, komplew javvanzaw fejn għal dan tal-aħħar il-logħba kienet mill-ewwel round tat-tournament ta’ Wimbledon minħabba li nqata’ lura minħabba x-xita li għamlet fl-ewwel jumejn.

Djokovic kompla jfittex it-tmien tit­lu tiegħu billi għeleb lill-Awstraljan Jordan Thompson, 6-3 7-6 (7-4) 7-5, b’dan jipproduċi 21 aces, iżda b’mod konsistenti tħabat biex jagħmel impatt kontra s-service ta’ Djo­kovic tant li naqas milli joħloq opportunità ta’ break-point.

Break għal Djokovic fis-seba’ logħba kien kruċjali fis-set tal-ftuħ, iżda t-tieni kien missielet aktar mill-qrib hekk kif Thompson salva break points fil-ħames u fis-seba’ games biex ġiegħel tie-break, li rebaħ Djokovic, megħjun minn żewġ aces.

It-tielet set deher li qed isegwi l-istess mudell, iżda Djokovic kiser is-service ta’ Thompson f’dik li wriet li kienet l-aħħar logħba tal-partita għar-rebħa.

Il-Ġermaniż Zverev għeleb lill-Olandiż, Gijs Brouwer, fi tliet sets bl-aħħar tnejn imorru għat-tie-break, 6-4 7-6 (7-4) 7-6 (7-5).

Stefanos Tsitsipas għeleb lil Dominic  Thiem f’logħba ta’ ħames sets biex iwaqqaf laqgħa fis-Centre Court ma’ Andy Murray. Il-Grieg rebaħ 3-6 7-6 (7-1) 6-2 6-7 (5-7) 7-6 (10-8) f’partita li damet tliet sigħat u 56 minuta.

Il-favorit domestiku ta’ 36 sena kien ikun kuntent li jara lill-ħames seed Tsitsipas involut f’konfront kbir maċ-champion tal-US Open tal-2020, Thiem, li jilgħab fuq jumejn fuq Court Two mimli.

L-Awstrijak Thiem ħa s-set tal-ftuħ tat-Tlie­ta u llidja 6-3 3-4 qabel ma x-xita fissret li l-partita kellha tiġi sospiża u ntemmet l-Erb­għa.

Is-set deċiżiv mar għal tie-break u Tsitsipas, segwit mit-tfajla tiegħu, l-Ispanjola Paula Badosa, fl-aħħar stadji wara r-rebħa tagħha stess, kiseb ir-rebħa fit-tieni tentattiv wara li tilef match point preċedenti.

Il-Britanniku Liam Broady wettaq sorpriża kbira meta elimina lin-Norveġiż seed numru 4, Casper Ruud, f’erba’ sets, 3-6 4-6 6-3 6-0, fejn wara li tilef l-ewwel set huwa għalaq b’baget.

Ir-Russu Andriy Rublev, ukoll ħa erba’ sets biex elimina lill-kompatrijott tiegħu, Alsan Karatsev, 6-7 (4-7) 6-3 6-4 7-5, meta anke hu beda biex tilef l-ewwel set.

Il-veteran Svizzeru Stan Wawrinka ssupera round ieħor meta din id-darba għeleb lill-Arġentin Tomas Martin Etcheverry, 6-3 4-6 6-4 6-2, biċ-Ċilen Nicolas Jarry iwarrab l-isfida tat-Taljan, Marco Cecchinato, 4-6 6-4 6-4 6-1.

F’logħbiet oħra mill-kategorija tal-irġiel, il-Kanadiż Denis Shapovalov għeleb lil Gregoire Barrere ta’ Franza f’erba’ sets, 6-3 3-6 6-3 7-6 (7-3), it-Taljan Matteo Berrettini lill-kompatrijott tiegħu, Lorenzo Sonego 6-7 (5-7) 6-3 7-6 (9-7) 6-3, l-Awstraljan Jason Kubler lill-Franċiż Ugo Humbert 6-4 4-6 6-2 3-6 6-3, l-Ispanjol Alejandro Davidovich Fokina lill-Franċiż Arthur Fils 7-6 (7-3) 6-1 6-2 u l-Kolumbjan Daniel Galan lill-Ġermaniż Oscar Otte 6-3 3-6 6-3 7-6 (7-3).

Fil-kategorija femminili, l-Ukrena Elina Svitolina għelbet lill-Belġjana Elise Mertens fi tliet sets, 6-1 1-6 6-1, waqt li l-Franċiża numru 5, Caroline Garcia, kellha titħabat biex eliminat lill-Kanadiża, Leylah Fernandez, fi tliet sets, 3-6 6-4 7-6 (10-6).

Petra Martic tal-Kroazja għelbet lill-Franċiża Diane Parry wara li tilfet l-ewwel set, 4-6 6-3 6-3, waqt li f’logħbiet oħra r-Russa Erika Andreeva għelbet liċ-Ċeka, Barbo­ra Krejcikova, 6-3 1-0 irtirat, il-Brażiljana Beatriz Haddad Maia għelbet lir-Rumena Jacqueline Cristian 4-6 6-2 6-4, iċ-Ċeka Marketa Vondrusova għelbet lir-Russa Veronika Kudermetova 6-3 6-3, l-Ukrena Anhelina Kalinina lill-Ispanjola, Jessica Bouzas Maneiro  6-4 6-3 u l-Kanadiża Bianca Andreescu lill-Ungeriża, Anna Bondar, 3-6 6-3 6-2.

Ekonomija

Sport