Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said inawgurat winch room ġdida u erba’ service pillars ġodda fil-Port tal-Imsida. Dawn l-investimenti huma parti mill-wegħda elettorali tal-Gvern biex tissaħħaħ l-infrastruttura għas-sajjieda Maltin filwaqt li jkomplu jitjiebu l-faċilitajiet fil-portijiet lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said enfasizzat l-investiment kontinwu tal-Gvern fis-settur. “Minn żewġ service pillars, żidna erba’ oħra biex is-sajjieda tal-Port tal-Imsida jistgħu jagħmlu użu minn total ta’ 6 service pillars. B’dawn il-faċilitajiet ġodda mhux biss qed innaqqsu l-isfidi ta’ kuljum li jaffaċċjaw is-sajjieda tagħna, iżda qed niżguraw ukoll li l-portijiet tagħna jkomplu jiżviluppaw f’ċentri aktar siguri u effiċjenti peress li jkunu mgħammra aħjar. Kommessi li nkomplu nwettqu l-pjan fit-tul li għandna biex ninvestu fl-infrastruttura li ssaħħaħ il-mezzi ta’ għajxien tal-komunitajiet tas-sajd tagħna.”
Dan il-proġett huwa parti minn programm usa’ ta’ xogħlijiet infrastrutturali madwar Malta, li matulu saru installazzjonijiet ta’ service pillars oħrajn fosthom f’Marsaskala, il-Kalkara, Birżebbuġa u San Pawl il-Baħar. Ġie mniedi wkoll servizz ta’ ħatt tat-tonn permezz ta’ crane f’Marsaxlokk, kif ukoll saru restawr ta’ winches f’diversi lokalitajiet. Bħalissa għaddejjin proġetti oħrajn fil-Mellieħa, f’San Ġiljan u fil-Marfa, b’aktar titjib ippjanat fil-ġimgħat li ġejjin.
Min-naħa tiegħu, l-Aġent Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Akwakultura Bjorn Azzopardi spjega kif dawn ix-xogħlijiet twettqu f’konsultazzjoni sħiħa mal-Għaqda tas-Sajjieda u s-sidien tal-bastimenti tal-Imsida, sabiex jiġi assigurat li l-post u l-installazzjoni ta’ dawn is-service pillars ikunu skont il-ħtiġijiet tal-komunità. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Sajd għax-xogħol li wettqu biex l-investiment li ġie inawgurat illum kien possibbli, kif ukoll irringrazzja lill-GHRC li kienu responsabbli mix-xogħlijiet biex inbniet il-winch room ġdida.
Dawn l-investimenti huma parti mill-pjan olistiku li għandu l-Gvern, permezz ta’ wegħda elettorali, biex tkompli tiġi mmodernizzata l-infrastruttura tal-portijiet għas-sajjieda, u tiġi assigurata s-sostenibbiltà fit-tul kif ukoll jiġu msaħħa s-servizzi fis-settur.