Eku tar-rebħa eċċezzjonali ta’ Kamil Manowiecki (Polonja), fl-Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing – Edizzjoni tal-40 Anniversarju (1982-2022) li saret f’Mejju is-sena l-oħra, għadhom ma sparixxiex hekk kif bdew jidhru sinjali potenzjali ta’ sfida għal dan ir-rekord.
Dan kien żvelat minn Wilfred Sultana, Organizzatur Ġenerali u oriġinatur tal-Avveniment 40 sena ilu, meta ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop ippreżenta lill-windsurfer Pollakk Ċertifikat ta’ Mertu, biex jafferma l-kisba tiegħu.
Dakinhar, Kamil Manowiecki ta’ 20 sena qasam il-54.8 mil nawtiku minn Valletta (Malta) sa Pozzallo (Sqallija) fl-aħjar ħin reġistrat ta’ sagħtejn u t-13-il minuta (133 minuta)
L-erba’ parteċipanti l-oħra fl-avveniment kommemorattiv, u l-ħin reġistrat tagħhom tal-ġurnata, kienu Karl Miggiani (età 24) sagħtejn u 45 minuta, Tom Zammit Tabona (28) tliet sigħat u 33 minuta, Shaun Miggiani (21) tliet sigħat u 51 minuta, u Paul Ellul (59) sitt sigħat u 17-il minuta.
Dan il-ħin rekord notevoli jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ dan l-avveniment leġġendarju, li huwa diġà rikonoxxut bħala l-”itwal tiġrija tal-windsurf f’fażi waħda fid-dinja,’’ li fl-edizzjonijiet tiegħu ta’ snin li għaddew ra parteċipanti u rebbieħa bħal John Van Der Starre (Olanda), Paco Wirz (Italja), Stefan Verwisch (Belġju), André Hauschke (Ġermanja), Frank Luneteau (Franza), Boet Brinkreue (Lussemburgu), Dick Hoekastra (Olanda) u r-rebbieħ tal-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tal-1988, Bruce Kendall (New Zealand).
Ma’ dawn l-ismijiet wieħed irid iżid it-trio tal-windsurf Malti Paul Ellul, Peter Bonello u r-rebbieħ tal-ewwel tiġrija tal-1984, Jean Paul Fleri Soler, li lkoll għandhom konnessjoni speċjali mal-avveniment.
Il-ħin rekord stabbilit minn Jean Paul Fleri Soler bħala rebbieħ tal-ewwel tiġrija tal-windsurf Malta-Sqallija fl-1984 kien ta’ 5 sigħat, 56 minuta u 35 sekonda, rekord li qatt ma kien aħjar f’għaxar edizzjonijiet tat-tellieqa.
Fl-2015, 31 sena wara, Paul Ellul, wieħed miż-żewġ windsurfers fuq l-ewwel windsurf crossing minn Sqallija għal Malta fl-1982, tejjeb dan ir-rekord fuq ‘sole crossing’ fejn kopri d-distanza f’4 sigħat, 47 minuta u 35 sekonda. Pozzallo kien dejjem il-bidu jew it-tmiem tal-avveniment fi Sqallija.
L-Enemed Malta-Sicily Windsurf Crossing – Edizzjoni Kommemorattiva tal-40 Anniversarju (1982-2022), ġiet organizzata minn Wishbone Windsurfing Promotions bil-kooperazzjoni tal-Malta Young Sailors Club u l-appoġġ loġistiku rilevanti f’Pozzallo tal-Lega Navale Italiana (Sezione di Pozzallo) .
L-Avveniment Kommemorattiv sar taħt il-patroċinju tal-Comune di Pozzallo Sqallija, bl-Enemed bħala l-”Official Fuels Partner” kif ukoll bħal ‘title sponsors’. L-Imsieħba Uffiċjali l-oħra tal-avveniment kienu GasanMamo Insurance, S&D Yachts, Blye, Medcomms Marine Electronic, Cisk, u Roland Marina.
Kontribut sinjifikanti għas-success tal-avveniment ingħata mis-sidien/skippers tal-jottijiet u ‘fast ribs’ li jiffurmaw il-flotta ta’ appoġġ. Dan l-avveniment sar ukoll bl-appoġġ u r-rikonoxximent validu tal-Għaqda Ġurnalisti Sport.
Ritratt: Kamil Manowiecki Pollakk ta’ 20 sena jirċievi Ċertifikat tal-Mertu biex jafferma l-kisba tiegħu tal-Aħjar Ħin Reġistrat – sagħtejn u 13-il minuta (133 minuta) – mingħand iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop. Preżenti għal din il-preżentazzjoni kien hemm ukoll (fuq il-lemin) Jeffrey Poulton, Safety & Navigation Officer tal-flotta ta’ appoġġ u (fuq ix-xellug) Wilfred Sultana, Organizzatur Ġenerali. (Ritratt – Vince Piscopo)