Sunday, December 22, 2024

Wirja dwar l-Istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri

Aqra wkoll

Fil-Każin tal-Banda Ċittadina La Stella tar-Rabat Għawdex, l-Għaqda Armar San Ġorġ Martri qed torganizza t-tieni edizzjoni ta’ wirja bl-isem ta’ Sancti Padri, statwi li jirrappreżentaw lill-missirijiet tal-Knisja Kattolika. Dawn l-istatwi ntramaw fi Triq ir-Repubblika u huma xogħol mill-isbaħ tal-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri li tlestew fl-1913.

Matul din il-wirja s-Sibt filgħodu, 2 ta’ Novembru, saret taħdita dwar il-ħajja ta’ Wistin Camilleri b’intruduzzjoini mill-Kan. Dun George Frendo wara tkellmu  ż-żewġ wlied, l-pittur Pawlu Camilleri Cauchi u l-istatwarju Michael Camilleri Cauchi.

Wirja li qed issir b’koperazzjoni mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u se ddum miftuħa għall-pubbliku sas-Sibt, 9 ta’ Novembru. Id-dħul għal din il-wirja hu mingħajr ħlas.

Wistin Camilleri

L-istatwarju u skultur Għawdxi Wistin Camilleri ġej minn familja Bormliża, iżda wara xi żmien din il-famija kienet marret toqgħod iż-Żejtun fejn ukoll kellhom ulied oħra f’din il-lokalità. Madwar is-sena 1867/8 wieħed minn uliedhom, Lorenzo, kien ġie joqgħod Għawdex, peress li dawn xogħolhom kien jaħdmu bħal supervisors fuq l-imtieħen tar-riħ ta’ dak iż-żmien, l-Għawdxin bdew isejħulhom, tal-mitħna. Lorenzo kien ħajjar lil ħuh Giuseppe Camilleri u Caterina née Bonnici, it-tnejn miż-Żejtun, biex ukoll jiġu joqogħdu Għawdex fejn flimkien xtraw erba’ mtieħen tar-riħ, tnejn ir-Rabat, waħda l-Qala u oħra ħaduha bħala ċens ix-Xewkija. Fl-1870 Giuseppi, missier Wistin, kien xtara dik ta’ fuq Għajn Qatet għall-prezz ta’ 4,000 skud, u kellu iħallas 3 skuti u 60 denar bħala ċens.

Wistin twieled fit-2 ta’ Mejju 1885 fir-Rabat ta’ Għawdex. Sa minn ċkunitu kien interessat fl-arti u l-iskultura. Kien attenda l-iskola primarja tar-Rabat, fejn kien beda juri l-kapaċità tiegħu, ipinġi, jagħmel pasturi tradizzjonali Maltin f’qisien u stili differenti, statwetti, kien iwettaq kull ħsieb li jiġih f’moħħu. Hu mifhum li darba rettur tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù kien għamel żjara fil-mitħna u nnota tpenġijiet bil-ġibs ma’ kważi l-ħitan kollha,  staqsa min għamilhom u ssuġġerixxa lil missieru biex ibnu jibda jattendi għal-lezzjonijiet tad-disinni li kienu jingħataw mill-Ġiswita fis-Seminarju t’Għawdex, dan kien il-bidu ta’ ħajja ġdida għal Wistin. Minn tfajjel li kien jitla’ fuq il-bejt ħdejn it-tromba tal-mitħna jdoqq il-bronja (bebbuxu kbir b’ħofra f’tarf tiegħu u jonfoħ fiha) biex jindika lill-bdiewa li matul dik il-ġurnata kien se jsir it-tħin tal-qamħ, issa beda triq oħra ġdida tal-arti.

Dak iż-żmien f’Għawdex ma kienx hawn skejjel fejn ikompli jitgħallmu u jitħarrġu l-istudenti f’dan il-qasam, għalhekk kif ħareġ mis-Seminarju mar Malta u u sar alljev tal-Professur Gużeppi Cali, fejn dan għaraf it-talenti artistiċi tiegħu u ħeġġu biex jirreġistra fl-Iskola San Luca f’Ruma biex ikompli jistudja. Baqa’ Ruma għal tliet snin fejn attenda wkoll lezzjonijiet tal-kartapesta ma’ Filippo Coppa.

Meta Wistin ġie lura Malta beda jaħdem daqqa mal-Professur Ġiuseppi Cali jew ma’ Pisani, ħadem ukoll sena u nofs mal-pittur Taljan, Attilio Palombi, il-pittur li pitter f’San Pawl tal-Belt Valletta. Minħabba li Malta kien hawn ħafna mnin ipitter, Wistin kellu jintefa fuq il-kartapesta li kien tgħallem f’Ruma ma’ Filippo  Coppa.

Fetaħ l-istudju tiegħu fi Triq Għajn Qatet fir-Rabat Għawdex fl-1909, min fejn beda jwettaq il-ħidma tiegħu. Kien jesperimenta bil-konkos fix-xogħlijiet tiegħu. Ħadem ħafna kurċifissi, statwi kemm titulari kif ukoll tal-Ġimgħa l-Kbira. Jingħad li l-ewwel statwa tiegħu kienet dik ta’ San Kalogero li tinsab fil-Knisja ta’ San Franġisk fir-Rabat Għawdex. Ħadem ukoll statwi u anġli għal festi tal-lokalitajiet madwar Għawdex, illum qed naraw uħud minnhom esebiti fil-Każin tal-Banda La Stella. Ħafna mix-xogħol tiegħu jinsabu f’bosta knejjes mhux biss f’Malta u Għawdex iżda wkoll ‘l bogħod minn xtutna fosthom fl-Awstralja u l-Istati Uniti. Ta’ min isemmi wkoll l-iskulturi li wettaq f’diversi knejjes fosthom fis-Santwarju Ta’ Madonna Ta’ Pinu fejn hemm madwar 1800 disinn oriġinali u 12-il skultura fil-ġebel li jirrappreżentaw lit-12-il appostlu. Kien l-ewwel skultur li ddisinja u ħadem l-ewwel statwa tal-konkos tas-Salvatur fuq l-għolja tal-Merżuq (is-Salvatur).

Wistinu Camilleri żżewweġ darbtejn, mill-ewwel żwieġ ma kellux ulied, iżda mit-tieni żwieġ, ma’ Franġeska Cauchi, kellu sitta, żewġt ibniet u erba’ subien, dawn tal-aħħar imxew fuq il-passi ta’ missierhom Paul, pittur, Alfred u Michael skulturi u statwarji filwaqt Mario restawr u induratura. Wistin jibqa’ meqjus fost l-aqwa statwarji ta’ pajjiżna. L-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesù (fil-Fontana) u dik tal-Madonna tal-Grazzja fil-Kapuċċini (Rabat) huma fost dawk li kellu għal qalbu. Il-Qalb ta’ Ġesù kienet tbierket fit-8 ta’ Ġunju 1923 mill-Isqof Giovanni Maria Camilleri OESA. Il-Mulej sejjaħlu għall-ħajja ta’ dejjem fl-4 ta’ Lulju 1979 f’età ta’ 94 sena.
 

Ekonomija

Sport