Ta’ kull sena, fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), tittella’ wirja ta’ kejkijiet tat-tieġ u skulturi taċ-ċikkulata magħmula mill-istudenti tal-ewwel sena fil-Baċellerat fl-Arti Kulinarja.

Dawn l-istudenti kienu taħt il-gwida tal-lettur u kok Jimmy Aquilina li spjega magħna x’kien jinvolvi dan il-proċess li huwa bbażat fuq numru ta’ lezzjonijiet ta’ erba’ sigħat kull waħda.
“Isiru tliet lezzjonijiet fuq iċ-ċikkulata u tliet lezzjonijiet oħra fuq il-kejkijiet. Però l-ippjanar jibda minn qabel, fejn l-istudenti jaraw id-disinji u x’ikun se jsir,” qal Aquilina.

Huwa kompla jgħid li għal ħafna studenti dan ix-xogħol ikun wieħed relattivament ġdid. “Però fl-aħħar mill-aħħar xħin ilestu x-xogħol ikun ta’ sodisfazzjon kemm għall-istudent innifsu, li jara kif ikun żvolġa x-xogħol, u anke għalina l-letturi,” tenna Aquilina.
L-istudenti ħarġu b’ideat vasti speċjalment fuq iċ-ċikkulata. Ħolqu wkoll disinji differenti li bla dubju se jintgħoġbu minn dawk kollha li jmorru jżuru din il-wirja li se tibqa’ miftuħa matul din il-ġimgħa fil-ħin ta’ bejn id-9.00 a.m. u t-3.00 p.m.