Saturday, November 22, 2025

Wirjiet impressjonanti fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Malta Weightlifting Association

Aqra wkoll

Il-Malta Weightlifting Association organizzat il-Kampjonati Nazzjonali tagħha fi tmiem il-ġimgħa li għadda, b’ numru ta’ kompetizzjonijiet eċċitanti ta’  kategorij ta’ età u piż differenti. Il-kampjonat ra numru ta’ wirjiet impressjonanti u diversi rekords nazzjonali miksura matul il-ġurnata.

Il-programm fetaħ bil-kategoriji tan-nisa Cadets u U15, fejn Mia Sant rebħet it-titlu tal-Cadets bi 32kg fl-Isnatch u 43kg fil-Clean & Jerk. Emily Livori ħadet it-titlu tal-U15 wara li għolliet 37kg fl-Isnatch u 48kg fil-Clean & Jerk.

Fil-kategoriji maskili U15 u U17, Nathan Mifsud ddomina bir-refgħat ta’ 95kg fl-Isnatch u 110kg fil-Clean & Jerk, u kiser aktar minn disgħa rekords nazzjonali fil-kategoriji U-15, U-17, U20 u U-23. Gabriele Frendo, ta’ 13-il sena, ukoll wera livell għoli ħafna b’sitt provi kollha validi – 75kg fl-Isnatch u 88kg fil-Clean & Jerk.

Fil-kategorija tan-nisa U17, Aaliyah Gatt rebħet il-kategorija 69kg bi 71kg fl-Isnatch u 98kg fil-Clean & Jerk, u kisret żewġ rekords nazzjonali oħra. Kim Camilleri Laganà kompliet tikkonferma l-forma eċċellenti tagħha, billi rebħet il-kategorija 53kg fl-U17, U20 u anke fis-Seniors, b’67kg fl-Isnatch u 95kg fil-Clean & Jerk.

Fost il-kategoriji Juniors (U20) u Seniors, Tenishia Thornton għamlet ritorn b’saħħtu wara injury fil-polz, u rebħet iż-żewġ kategoriji tal-kategorija 69kg b’total ta’ 178kg. Kaya Curmi Inguanez kisbet it-tieni post fil-kategorija 53kg b’total ta’ 131kg

Il-kompetizzjoni tal-irġiel U20 kienet waħda missielta wkoll: Rylee Borg kiser tliet rekords nazzjonali fil-Snatch bl-aħjar refgħa ta’ 126kg. Nathaniel Fenech rebaħ il-79kg tal-U20 b’93kg fl-Isnatch u 123kg fil-Clean & Jerk. Luke Stefan Micallef temm b’wirja soda ta’ 89kg fl-Isnatch u 114kg fil-Clean & Jerk, jilħaq ukoll il-livell ta’ 300 punt.

Fil-kategorija Senior tal-irġiel ta’ taħt il-110kg, Vlad Baldacchino ħa t-titlu b’130kg fl-Isnatch u 152kg fil-Clean & Jerk.

Il-Kampjonati Nazzjonali din is-sena reġgħu kienu xhieda tal-livelli ġodda li qed jilħaq dan l-isport f’pajjiżna kemm fuq livell ta’ parteċipazzjoni: speċjalment ta’ atleti tfal u żgħażagħ u l-livell ta’ prestazzjoni: b’bosta rekords miksura.

L-avveniment li jmiss għall-Malta Weightlifting Association se jkun IL kampnonal prestiġjużi tal-European Union u l-Malta Junior Open, li se jsiru bejn is-6 u s-7 ta’ Diċembru li ġej. Aktar minn 100 atleta minn 22 pajjiż huma mistennija jipparteċipaw f’dan l-avveniment internazzjonali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport