Wednesday, November 26, 2025

Wirt kulturali li għandna għax niftaħru bih 

Aqra wkoll

Kull proġett, il-kejl tas-suċċess tiegħu jiddependi minn kemm jiġi milqugħ tajjeb u pożittivament min-nies. Jiġi ġġudikat ukoll jekk l-istess proġetti jilħqux l-għanijiet li għalihom ikunu ġew imwettqa. Dan tista’ tgħid japplika għal kwalunkwe tip ta’ proġett li jsir, kemm jekk hux proġett ġdid jew inkella restawr. 

F’pajjiżna hawn diversi kulturali li minn żmien għal żmien, jiġu ppubblikati ċifri ta’ kemm nies ikunu żaruhom. Dan il-proċess iservi wkoll biex jindika kemm il-poplu tagħna għandu għal qalbu l-kultura ta’ dawn il-gżejjer. 

Ftit tal-jiem ilu, tqanqlet mistoqsija parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott dwar kemm nies żaru l-Ispazju Internazzjonali ta’ Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS) fil-Furjana, esklużi dawk li żaru dan l-ispazju fl-open days. Għal din il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici reaġixxa billi poġġa fuq il-mejda tal-Kamra statistika, xahar b’xejn tal-viżitaturi kollha fil-MICAS minn Ottubru 2024 sad-19 ta’ Novembru 2025. 

Irriżulta li f’dan il-perjodu, in-numru ta’ viżitaturi ammonta għal total ta’ aktar minn 25,000 persuna. Xahar b’xahar l-aktar li żaru l-MICAS kien f’Marzu 2025, bi 3,612-il viżitatur. Dan juri fil-fehma tagħna li dan l-ispazju ntlaqa’ tajjeb u kien jimmerita li jkollna proġett ta’ din il-portata f’pajjiżna. 

F’mistoqsija oħra tal-istess Deputat, sar magħruf ukoll li minn meta fetaħ il-MICAS, saru għaxar open days. Dan bil-għan li l-poplu jkompli jersaq eqreb u jħoss il-kultura tagħna bħala poplu, mhux biss tagħna imma anke ta’ pajjiżi oħra billi dan l-ispazju jservi wkoll għall-wiri ta’ xogħlijiet ta’ artisti barranin. B’hekk ukoll ikollna togħma ta’ x’joffru pajjiżi oħra fil-qasam kulturali tagħhom. 

Dawn iċ-ċifri huma inkoraġġanti meta jitqies li f’pajjiżna għandna għadd ta’ siti storiċi u mużewijiet x’wieħed jista’ jżur. Ewlenin fost dawn hemm it-Tempji tal-Ġantija f’Għawdex, l-eqdem bini fid-dinja magħmul mill-bniedem u Ħaġar Qim li flimkien ma’ tempji megalitiċi oħra huma l-vetrina taċ-ċiviltà ta’ Malta.

F’dan il-kuntest, għandna r-responsabbiltà bħala pajjiż li dawn is-siti li jagħmluna kburin bihom nesponuhom aktar mal-barranin li jiġu fostna minn żmien għal żmien. Għalhekk huwa importanti wkoll li nibżgħu għall-ambjent tal-madwar u għall-patrimonju kollu li jagħmluna distinti minn popli oħra. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport