Saturday, November 22, 2025

WIRT STORIKU LI M’GĦANDNIEX NITILFUH

Aqra wkoll

Malta hi mżejna b’wirt storiku uniku li m’għandux prezz. Dak kollu li jdawwar il-gżejjer tagħna, fortifikazzjonijiet, swar, bereġ u binjiet oħra jġorru magħhom storja rikka fuq medda twila ta’ għexieren ta’ snin. Dan kollu jitfa’ fuq spallet kull wieħed u waħda minna r-responsabbiltà li nipproteġu u nindukraw il-wirt kulturali u storiku kollu ta’ pajjiżna. Irridu wkoll nimpenjaw ruħna biex il-karatteristiċi uniċi tal-ibliet u l-irħula tagħna jibqgħu bla mittiefsa, għax huma dawn li jiddistingwuna minn popli oħra.

Il-wirt tanġibbli li għandna fosthom il-mużewijiet, il-knejjes, tempji neolitiċi li jmorru lura eluf ta’ snin, u kull patrimonju ieħor irridu naraw li jibqa’ jingħata l-attenzjoni li tixraqlu u fejn ikun hemm bżonn li jsir xi xogħol ta’ restawr, dan irid isir ukoll b’pass mgħaġġel. 

F’dawn l-aħħar snin, twettaq xogħol kbir ta’ restawr f’diversi siti u din il-ħidma mistennija tintensifika aktar fix-xhur li ġejjin. Bħalissa għaddej xogħol fuq xejn inqas minn 91 proġett mifruxa madwar Malta kollha, fosthom ir-restawr tas-Sur ta’ San Pawl (l-ewwel fażi), u il-bastjun ta’ Santa Liena f’Bormla, il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt, it-Torri ta’ Vendome f’Marsaxlokk, il-Kappella tal-Lunzjata fis-Siggiewi u l-Mitħna ta’ San Ġwann t’Għuxa f’Bormla. Fl-2026, il-pjan jinkludi t-tlestija tar-restawr fuq fortifikazzjonijiet fil-Kottonera u l-Belt, u t-tlestija ta’ adiversi proġetti ta’ restawr tas-swar u bastjuni.

Kif stqarr il-Ministru Owen Bonnici fil-Parlament, din il-ħidma tirrifletti viżjoni ta’ konservazzjoni sostenibbli, li tħares lejn il-passat tagħna biex tinbena fuqu identità kulturali b’saħħitha għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. 

B’żieda ma’ dawn il-proġetti ta’ restawr, se jkun hemm il-bidu jew it-tkomplija ta’ proġetti oħra kbar. Uħud minn dawn kienu ilhom mistennija sew, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-Culture and Arts Hub. Dan mhux biss se jgawdu minnu l-entużjasti tal-Karnival, imma wkoll kull min iħobb l-arti u l-kultura Maltija. 

Se jitkomplew ukoll l-istudji u joħorġu l-ewwel tenders għax-xogħlijiet f’Villa Guardamangia. U ma jistax jonqos il-Malta Biennale 2026, li wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, se jkollna issa t-tieni edizzjoni.

Nemmnu għalhekk li s-sena d-dieħla se tkun waħda li tara qabża ta’ kwalità ‘l quddiem f’kull qasam, mhux b’inqas fl-oqsma tal-arti u l-kultura. Inħarsu ‘l quddiem biex nibdew naraw il-frott ta’ proġetti li ilhom ħafna mistennija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport