Friday, November 15, 2024

“Xahar ieħor nibdew inlaqqmu lin-nies u rrid li l-2021 tkun sena mill-aqwa”

Aqra wkoll

F’attività politika f’Marsaxlokk, ġimgħat biss ’il bogħod minn meta jasal il-vaċċin kontra l-Coronavirus f’pajjiżna, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela kellu messaġġ ta’ tama għall-aħħar ftit ġimgħat tas-sena, u għall-bidu tas-sena l-ġdida.

“L-istrateġija tagħna ta’ kif se nlaqqmu lin-nies ilha lesta u għada se nħabbruha u Chris se jkun qed jispjegaha fil-Parlament. Strateġija li fassalniha flimkien mal-aqwa esperti mediċi fil-pajjiż. Xahar ieħor nibdew inlaqqmu lin-nies, ejjew ħa nħarsu ’l quddiem għall-2021 li rridha tkun sena mill-aqwa.”

Il-Prim Ministru qal dan hekk kif sa ġimgħa ilu, l-Oppożizzjoni qalet li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni, u ftit jiem wara qalet li trid pjan ta’ kif se jkunu qed jitlaqqmu lin-nies.

B’dispjaċir innota kif din il-ġimgħa, pajjiżi madwar id-dinja bħall-Italja u l-Istati Uniti rreġistraw rekords ta’ mwiet u infezzjonijiet imma f’pajjiżna s-sitwazzjoni u n-numri baqgħu stabbli għax għandu Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet.

“Minflok il-każijiet immultiplikaw, f’pajjiżna żammejna s-sitwazzjoni stabbli u taħt kontroll. Din ma ġratx b’kumbinazzjoni imma għax ħdimna bil-għaqal u l-ħin kollu offrejna s-serħan il-moħħ, mhux billi niddeċiedu li ma niddeċidux kif għamel ħaddieħor… Biex tkun sena mill-aqwa rridu nibqgħu kawti. Deħlin fi ġranet kruċjali u nagħmlu ħażin jekk nagħżlu li ma nosservawx ir-regoli għax xahar ieħor ġej il-vaċċin. Nerġa’ nappella għad-dixxiplina u r-responsabbiltà li naħsbu f’xulxin… Ma jfissirx li għax fil-bidu ta’ Jannar se jkollna l-vaċċin, se nkunu f’qagħda li ngħidu daqshekk restrizzjonijiet. Fil-bidu ta’ Jannar nibdew it-triq lura lejn in-normalità. Biex naslu rridu nibqgħu nobdu l-miżuri restrittivi sal-mument li l-awtoritajiet tas-saħħa jgħidulna li hemm id-dawl. F’Marzu l-ekonomija tagħna tibda tirpilja, f’Mejju business as usual ħa nħarsu lejn sena mill-aqwa.”

Robert Abela tkellem dwar xhur ta’ deċiżjonijiet ibsin, imma li riżultat tagħhom, bejn Ġunju u Novembru ta’ din is-sena, kellna l-akbar ammont ta’ konvenji li qatt saru fl-istorja ta’ pajjiżna, u din is-sena ġiet trasferita b’elf u tmien mitt miljun ewro fi proprjetà.

“F’Ġunju kellna deċiżjoni li jew inħallu t-taxxa fuq il-bejgħ u x-xiri tal-proprjetà kif kienet jew immorru għad-deċiżjoni li biex nagħtu inċentiv innaqqsu r-rata tat-taxxa. Kellna ċirkostanza fejn id-dħul tal-pajjiż mit-taxxi naqas. Tkellimna, ħadna l-pariri u minnufih iddeċidejna… Stajna bżajna, minflok għażilna li niddeċiedu. Fl-ewwel ħdax il-xahar ta’ din is-sena, kellna aktar konvenji mill-ewwel ħdax-il xahar tas-sena li għaddiet, li kienet bla pandemija.”

Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru nnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni ilu aktar minn xahrejn maħtur u sal-lum għadu lanqas ħatar ix-shadow cabinet tiegħu. B’differenza, f’Jannar hu kien fl-istess ċirkostanza, u f’jumejn ħatar Kabinett ġdid li għax inħasset il-ħtieġa li jsiru iżjed bidliet biex jilqgħu għal din ir-realtà straordinarja, ftit tal-jiem ilu saru aktar bidliet għax dan il-Gvern ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet.

L-għada li l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali, Fitch, tat rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna, il-Prim Ministru semma li fost l-oħrajn, l-esperti internazzjonali rrikonoxxew il-ħidma li qed issir f’pajjiżna fil-qasam tal-governanza. Innota wkoll kif pajjiżna huwa l-unika pajjiż fiż-żona ewro li r-rata ta’ qgħad tiegħu hija inqas minn 4%.

Qal li din kienet ġimgħa oħra li kompliet tikkonferma r-reżiljenza tan-negozji f’pajjiżna, u dan seta jinnutah waqt żjara għall-għarrieda li għamel lill-ħwienet f’Tas-Sliema.

“Tkellimt ma’ ħaddiema barranin li jmexxu dawn il-ħwienet u qaluli li mhu se jinsew qatt dak li Malta għamlet magħhom. X’inhi l-inklinazzjoni naturali ta’ investitur f’pandemija? Li jistenna. Dik kienet l-ikbar biża’ bħala Gvern li l-ekonomija tistagħġna għax l-investituri joqogħdu lura milli jinvestu. Ħdimna bil-kontra u l-messaġġ tagħna wasal ċar. Is-sostenn li tajna partikolarment f’Ġunju fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomija fejn flok użajna politika ta’ awsterità, investejna fin-nies. Is-sinjal ċar li tajna li dan huwa l-aktar Gvern business friendly, u l-aqwa mument li fih tista’ tkompli tinvesti.”

Il-Prim Ministru qal ukoll li qatt ma jista’ jkollok Gvern li jgħin għall-komunità tan-negozju.

“Mingħajr il-komunità kummerċjali ma jistax ikollna ekonomija b’saħħitha u impjiegi ta’ kwalità. Mingħajr il-komunità kummerċjali, il-pajjiż ma jistax jimxi ’l quddiem. Kelli sens ta’ diżappunt bil-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni li ddiskuta l-proġett li bi ħsibha tagħmel il-Corinthia. Kienet sintomatika ta’ għira lejn il-komunità kummerċjali. Kellna pożizzjoni fejn l-Oppożizzjoni vvutat kontra l-iżvilupp sostenibbli li qed tipproġetta li tagħmel il-Corinthia, li se joħloq impjiegi ta’ kwalità u jiġbed it-turisti lejn pajjiżna. Kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern fl-2009 li ta d-dritt lill-investitur li jagħmel l-iżvilupp li qed jipproponi llum. Fl-2009 tawhom id-dritt u llum ivvutaw kontrihom… Lil kull investitur f’pajjiżna jien nagħmlilhom kuraġġ. Ibqgħu investu, se tibqgħu ssibu lill-Gvern warajkom.”

Bl-istess mod, il-Mexxej Laburista semma l-u-turn li għamlet l-Oppożizzjoni dwar il-proġett tal-link permanenti bejn Malta u Għawdex, li anki kif innutat il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, ħolqot inċertezza.

“Ħadd ma jaf fejn qiegħed il-Partit Nazzjonalista. Jibdlu pożizzjonijiet daqskemm jibdlu Kapijiet. Ara kif qatt jista’ jkollok il-kredibilità biex tmexxi meta int stess ma tkunx taf fejn sejjer.”

Huwa kellu appell għal min jixtieq ikun parti mill-moviment Laburista.

“Dan il-moviment miftuħ għal kulħadd, ma jħares lejn il-passat ta’ ħadd, ma jinteressahx xi vvutajt fil-passat. Jinteressah biss li flimkien noħolqu l-ġid għal dan il-pajjiż, inkunu magħqudin, inkomplu noħolqu t-tajjeb għal dan il-pajjiż… Moviment li għalih il-politika qiegħda hemmhekk bħala għodda biex isservi n-nies biha u toħloq it-tajjeb.”

Fi tmiem ġimgħa ta’ ħafna ħidma u investimenti, il-Prim Ministru qal li l-ġurnata li qatta’ ma’ Naomi lejliet il-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilità, kienet l-isbaħ ġurnata ta’ ħidma tiegħu fl-aħħar xhur.

“Kemm jien kburi li qed immexxi Gvern inklussiv. Hekk ukoll Gvern li hu ħanin. Waqt żjara li għamilt lill-Fondazzjoni RISE rajt l-importanza li ma niġġudikaw lil ħadd. Li kulħadd ħaqqu t-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u iżjed opportunitajiet fil-ħajja.”

Qal ukoll li waqt laqgħa li kellu mas-sidien tal-bars u l-każini f’dak li ssoltu jkun l-aqwa xahar tas-sena għalihom, irrealizza kemm irridu nkunu sensittivi għall-weġgħat tagħhom u wiegħed li dan il-Gvern se jibqa’ jappoġġjahom u li s-sena d-dieħla se tkun ħafna aħjar.

“In-nies x’qed juruna? Li jafdawna mmexxu dan il-pajjiż. Biex nibqgħu nżommu dik il-fiduċja rridu nibqgħu saqajna mal-art, inħossu l-polz tan-nies, nisimgħu u niddeċiedu. Tajna dak kollu li nafu, li flaħna u li stajna. Kburi bil-ħidma tagħna, ma kinux żminijiet faċli. Minn Jannar sa issa ma ngħidx li kien hemm siegħa f’ġurnata waħda li kienet faċli imma kburi li tajtuna dan il-privileġġ li stajna mmexxu dan il-pajjiż b’poplu magħqud, konna ffukati u mexxejna ’l quddiem. Ninsabu xahar ’il bogħod mill-bidu tar-ritorn lejn normalità sħiħa sakemm nibqgħu kawti. Mhux nibgħat messaġġ t’ewforiżmu imma ta’ tama li nibdew normalità ġdida. Kburi ħafna li tajtuna l-privileġġ li mmexxu lil dan il-pajjiż sabiħ fl-aktar mument ta’ sfida tiegħu fl-istorja. Kburi b’dan il-poplu li minn sfida ħloqna opportunità… Kburi li flimkien magħkom se nkun qiegħed immexxi lil dan il-pajjiż fl-aqwa rkupru li qatt ra. Flimkien, pajjiż wieħed, poplu wieħed, Maltin, Għawdxin b’saħħitna ’l quddiem.”

Ekonomija

Sport