Xahar qabel ma Malta tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, it-Tlieta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, ippreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija, hekk kif l-istudenta tal-MCAST Shelley Borg żvelat id-disinn rebbieħ tagħha għall-emblema ta’ din il-Presidenza.
Fl-14 ta’ Mejju, il-Lussemburgu, b’mod uffiċjali, se jkun qed jgħaddi l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lil Malta għal mandat ta’ sitt xhur, sa Novembru. Hekk kif Malta tfakkar 60 sena ta’ sħubija fil-Kunsill tal-Ewropa, din se tkun ir-raba’ darba li l-pajjiż se jkun qed imexxi din l-organizzazzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg spjega li Malta qed tieħu f’idejha l-Presidenza fi żminijiet bla preċedent, hekk kif id-dinja qed taffaċċja inċertezzi soċjali u ġeopolitiċi li qegħdin dejjem jikbru. “Perjodu ta’ trasformazzjoni daqstant delikata jitlob tmexxija responsabbli, diliġenti u reżiljenti. Kif wrejna waqt il-mandat tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u waqt il-Presidenza Maltija tal-OSCE fl-2024, f’dawn iż-żminijiet għalhekk huwa saħansitra aktar importanti li nkomplu nħaddnu d-djalogu u l-multilateraliżmu, waqt li nipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt — il-valuri ewlenin tal-Kunsill tal-Ewropa.”
Il-Presidenza Maltija se tiffoka fuq il-protezzjoni tat-tfal, is-setgħa taż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-appoġġ kontinwu tal-organizzazzjoni lejn Ukrajna.
“Għandna bżonn insaħħu l-protezzjoni tat-tfal minn forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament sesswali, b’mod partikolari online, u niżguraw li jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jużaw u jgħixu d-dinja diġitali b’mod sigur u responsabbli,” saħaq Dr Borg. L-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ se tkun ukoll fuq nett tal-aġenda tal-Presidenza Maltija, billi terġa’ tafferma l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.
Malta se taħdem ukoll biex tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni, speċjalment il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet. Il-Presidenza se tfakkar ukoll l-anniversarju storiku tal-75 sena tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-pedament legali li fuqu mibni l-impenn kollettiv tal-membri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, żied jgħid id-Deputat Prim Ministru.
Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, l-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger, spjegat li l-programm tal-Presidenza Maltija se jinkludi tliet konferenzi ministerjali dwar id-drittijiet tat-tfal, il-ġustizzja u ż-żgħażagħ, li se jsiru l-Belt Valletta f’Lulju, f’Settembru u f’Ottubru. Il-programm politiku se jinkludi wkoll diversi konferenzi ta’ livell għoli, fosthom il-Forum IDAHOT, l-ewwel attività uffiċjali tal-Presidenza fit-20 ta’ Mejju, li tikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni ta’ Malta bħala mexxej internazzjonali rispettat fid-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
Barra minn hekk, Malta se tospita laqgħat ta’ diversi kumitati tekniċi tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll l-Assemblea Parlamentari u l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali. “Bħala parti mill-impenn kontinwu ta’ pajjiżna bħala pont ta’ djalogu u kollaborazzjoni fil-qalba tal-Mediterran, ser inkomplu nsaħħu l-attivitajiet taċ-Ċentru tan-Nofsinhar u t-Tramuntana, in-North-South Centre, li Malta ilha tippresjedi għal dawn l-aħħar tliet snin,” żiedet tgħid Dr Camilleri Vettiger.
Fil-bidu tas-sena akkademika 2024/25, ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa stiednet lill-istudenti tal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST biex jipproponu disinji għall-emblema tal-Presidenza li ġejja. Id-disinn rebbieħ ta’ Shelley Borg — emblema vibranti u b’viżjoni ’l quddiem ispirat minn elementi ikoniċi tal-wirt kulturali Malti — ġie żvelat b’mod uffiċjali waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tlieta. “Il-logo tiegħi huwa bbażat fuq simboli li jirrappreżentaw l-essenza tal-identità tagħna: ix-xemx, il-baħar, il-luzzu, bi spiral fiċ-ċentru tiegħu – bħal dak li nsibu minqux fil-ġebel fit-tempji megalitiċi tagħna – li tispira bidla kontinwa, fejn iż-żgħażagħ għandhom rwol ċentrali,” spjegat l-istudenta.
Il-Viċi Prinċipal tal-MCAST Mario Cardona u l-lettur Darren Duncan irringrazzjaw lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu talli fdaw lill-istudenti tal-MCAST bl-emblema ta’ okkażjoni tant sinifikanti. “Permezz ta’ dan il-proġett, l-edukazzjoni marret lil hinn mill-proċess tat-tagħlim, hekk kif l-istudenti kellhom sehem attiv f’inizjattiva nazzjonali b’impatt dejjiemi’,” qal Dr Cardona, filwaqt li faħħar lis-17-il student li pparteċipaw u lill-letturi tagħhom għall-impenn u l-professjonalità tagħhom.
Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2025 se tinkludi wkoll programm kulturali estensiv, b’mod partikolari fi Strasburgu, bl-involviment ta’ talent lokali u internazzjonali ta’ livell għoli – minn Joseph Calleja sa Ira Losco, minn KorMalta u ŻfinMalta sal-kitbiet ta’ Oliver Friggieri u l-poeżija ta’ Immanuel Mifsud, minn Jamie Cardona sa Clare Tonna, u bosta oħrajn.
Sean Buhagiar, id-direttur artistiku tal-programm kulturali tal-Presidenza bit-tema ‘Wieħed, Wieħed. Waħda, Waħda.’, qal li din hija stedina biex nifhmu l-profondità ta’ Malta tal-lum – ispirata mill-istorja u t-tradizzjonijiet għonja tagħha, iżda fl-istess waqt kontinwament tadatta ruħha għal modi ġodda u kontemporanji, b’kontemporanji tenfasizza dak li hu “ta’ issa”. Il-kultura hija l-qalb tħabbat ta’ nazzjon, hu spjega, filwaqt li żied li l-Presidenza se tippreżenta l-idea li l-kultura, bħar-rwol internazzjonali ta’ Malta, hija opportunità għall-għaqda, għall-ftuħ u għall-konnessjonijiet.