Sunday, November 10, 2024

“X’aktarx li kien ħaddieħor kien iraqqdu biex ma jibqax ibati… Baby swiena mal-€4,000”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’Lulju li għadda, RMJ’s Horse Rescue kellhom jieħdu deċiżjoni diffiċli jekk “mhux fost l-aktar diffiċli” tagħhom. F’kumment ma’ dan is-sit, Korin Farrugia spjegatilna għalfejn tiddeskrivi b’dan il-mod is-sitwazzjoni ta’ dakinhar.

Fost il-ħafna talbiet biex iżommu żwiemel, f’Lulju li għadda kellhom talba biex jieħdu ħsieb żiemel li skonthom kien l-agħar każ ta’ negliġenza u krudeltà li qatt raw. Ittieħdet id-deċiżjoni li ż-żiemel jingħata opportunità anke jekk seta’ tqies bħala karta telliefa minħabba l-isfida finanzjarja tal-post.

Farrugia qalitilna li l-isfida finanzjarja hija l-akbar waħda għalkemm minħabba d-domanda kontinwa ta’ żwiemel li jiġu offruti lilhom minflok jintbagħtu għall-qatla. Kienu jafu li dan iż-żiemel li ngħata l-isem ta’ Baby. L-ewwel ġimgħat, kollox kien jindika li kienet diffiċli biex isalva. Ma kellux saħħa jżomm fuq saqajh u kellna tabib kważi ħin kollu għassa miegħu. “Il-feriti li kellu lanqas qatt rajna bħalhom u naħseb li kieku kien xi mkien ieħor kienu jraqqduh biex ma jbatix aktar”, kompliet tispjega magħna Farrugia filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li dik li dehret li kienet karta telliefa nbidlet f’waħda rebbieħa. Spjegat li ma kinitx faċli u li hu stmat li f’erba’ xhur dan iż-żiemel swiehom mal-€4,000, ċifra li tat daqqa ta’ ħarta mhux ftit lill-post. 

Korin Farrugia flimkien ma’ Baby ftit sigħat qabel ntbagħat lejn l-Ingilterra għal ħajja ġdida

Korin, deskritta minn ħafna bħala ‘l-omm’ ta’ dawn iż-żwiemel, esprimiet is-sodisfazzjon li f’inqas minn sena, Baby jinsab fl-Ingilterra fejn se jkun qiegħed jgħix il-ħajja li jixraqlu li jgħix kull annimal, aħseb u ara żiemel li kien f’xifer il-mewt.

Ma’ Talk.mt Farrugia qalet ukoll li l-ispazju huwa t-tieni l-ikbar sfida fejn jirċievu talba kuljum biex iżommu żwiemel li jekk ma jaċċettawhomx ikollhom destin xejn mixtieq quddiemhom. Is-sena li għaddiet RMJ’s Horse Rescue bagħtu barra minn Malta 80 żiemel u dan in-numru jagħti nifs qawwi lil dawk li jmexxu l-post għax l-ispazju ovjament.

Ovjament l-appell jibqa’ wieħed biex il-pubbliku mhux biss jgħin b’mod fiżiku, anke b’xogħol ta’ volontarjat, iżda anke b’mod finanzjarju għax għalihom kull qatra tgħin u f’każijiet fejn jiġu daharhom mal-ħajt finanzjarjament ma jkunux jistgħu jsalvaw żwiemel ikkundannati minħabba bosta raġunijiet.

Sport