Friday, May 23, 2025

Xandara Ewropej jitolbu għal reviżjoni tar-regoli tal-Eurovision

Aqra wkoll

Numru ta’ stazzjonijiet televiżivi madwar l-Ewropa qed jistaqsu jekk  ir-regoli tal-konkors tal-kanzunetta Ewropea (Eurovision) jippermettux l-abbuż.  Qed jistaqsu wkoll dwar jekk wasalx iż-żmien għal reviżjoni tal-votazzjoni tal-Eurovision wara li fil-festival ta’ nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju l-Iżrael kważi rebaħ billi kiseb vot qawwi mill-pubbliku.

Ix-xandara qed jisfidaw is-sistema tal-votazzjoni tal-konkors tal-Eurovision, wara l- vot kbir tal-pubbliku favur Iżrael.  Il-festival fl-aħħar mill-aħħar intrebaħ minn JJ tal-Awstrija bil-kanzunetta Wasted Love.

Mistoqsijiet li qed jidhru wkoll fil-midja soċjali qanqlu diversi nazzjonijiet biex jitolbu reviżjoni sħiħa ta’ kif jaħdem il-vot tal-pubbliku fil-kompetizzjoni.

Yle Entertainment tal-Finlandja qalet li se titlon lill-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU) tara jekk hux iż-żmien li jiġu aġġornati r-regoli jew għall-inqas jiġu riveduti b’mod sħiħ biex ma jippermettux lok għal abbuż.

L-RTE tal-Irlanda talbet tqassim tan-numri, u l-Olanda u l-Islanda huma wkoll fost dawk li qajmu kwistjonijiet. Id-Direttur tal-kompetizzjoni, Martin Green, qal li qed jieħu t-tħassib tax-xandara “bis-serjetà”.

Il-kanzunetta tal-Iżrael, New Day Will Rise, sottomessa mix-xandar pubbliku Iżraeljan Kan, rebħet b’mod komprensiv il-parti pubblika tal-vot, wara li kisbet il-punti ta’ 34 mit-38 vot tal-pubbliku. 

Il-parteċipazzjoni Iżraeljana preċedenti kienet spiċċat it-tieni fil-votazzjoni tal-pubbliku, minkejja li kisbet il-ħames post fil-konkors tal-2024. Kan kien ġie mġiegħel ibiddel il-lirika tad-diska October Rain, li tqieset li tirreferi direttament għall-attakk tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru 2023 ġewwa l-Iżrael. 

New Day Will Rise kienet id-19-il kanzunetta l-aktar popolari mill-kompetizzjoni ta’ din is-sena fuq Spotify fil-ġimgħa tal-avveniment, iżda kisbet il-punti massimi ta’ 12 minn 13-il vot pubbliku nazzjonali.

Minn qabel il-festival, il-kanali tal-midja soċjali tal-gvern Iżraeljan bdew iħeġġu lin-nies jivvutaw għar-rappreżentant ta’ Iżrael il-massimu ta’ 20 darba. L-ambaxxata Iżraeljana f’Londra ħarġet ukoll fuq il-midja soċjali waqt il-finali, tħeġġeħ lin-nies jivvutaw 20 darba għal kantanta Raphael.

Fid-dawl ta’ dan kollu, xi wħud minn fost il-komunità tal-Eurovision jemmnu li l-konkors ġie affettwat minn bidliet li kienu saru mill-Unjoni Ewropea tax-Xandir sabiex takkomoda l-parteċipazzjoni tal-Iżrael. 

Waqt il-festival kien hemm inċident ta’ sigurtà waqt il-prestazzjoni ta’ Raphael li wassal biex membru tal-istaff tal-Eurovision intlaqat biż-żebgħa. Dakinhar tal-konkors ukoll dimostranti favur il-Palestinjani ġġieldu mal-pulizija fiċ-ċentru tal-belt ospitanti Basel.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez appella b’mod espliċitu biex Iżrael jitkeċċa mill-Eurovision, u xebbaħ direttament is-sitwazzjoni ma’ dik tal-esklużjoni tar-Russja minn avvenimenti internazzjonali. 

Qal li r-Russja kellha tħalli kompetizzjonijiet internazzjonali u ma tistax tieħu sehem fihom. Għalhekk Iżrael lanqas m’għandu jieħu sehem biex ma jkunx hemm standards doppji fil-kultura.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport