Il-manager ta’ Barcelona, Xavi, xeħet ħarstu fuq il-midfielder ta’ Manchester City Phil Foden, u talab lill-president tal-club Joan Laporta biex jakkwista l-firma tiegħu.
Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena skorja erba’ gowls u pprovda daqstant ieħor ammont ta’ assists fi 12-il dehra għat-team ta’ Pep Guardiola fil-Premier League dan l-istaġun, u għadu qed jiġi kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa żgħażagħ fl-Ewropa bħalissa.
Foden qed jitqabbel mal-leġġenda ta’ Barcelona Andres Iniesta, li telaq mill-Camp Nou tliet snin ilu iżda jidher li ma nstabx sostitut idoneu għalih.
Barcelona din il-ġimgħa akkwistaw lil Ferran Torres mingħand Man City, u huwa ssuġġerit li l-ġganti Spanjoli qed jittamaw li jużaw ir-relazzjonijiet tajbin tagħhom mas-Citizens biex jiżguraw ftehim biex Foden jimxi fuq il-passi tal-ex sieħeb tiegħu.
Xavi, li lagħab flimkien u taħt il-gwida ta’ Guardiola ma’ Barcelona, x’aktarx li jkun ħerqan dwar il-metodi li uża Guardiola biex jgħin fl-iżvilupp ta’ Foden minn meta beda jutilizzah fl-ewwel team ta’ Man City mill-akkademja tal-klabb, u Xavi irid li Laporta jagħmel l-aħjar tentattivi tiegħu biex jiffirma liż-żagħżugħ.
Foden għamel id-debutt tiegħu mat-team tal-kbar ta’ Man City fl-2017 u kompla biex skorja 37 goal u pprovda 28 assist f’143 dehra għall-club ta’ tfulitu.