Saturday, November 9, 2024

“Xbajt niġi mormija”, “bla familja”, “bla ħbieb”… spiċċajt ngħix f’sala f’Monte Carmeli

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

X’reżiljenża! Minkejja li ħafna affarijiet kontriha, minkejja li m’għandhiex aqaf fuq rasha, la familjari u lanqas ħbieb, din il-mara li tbati bil-kundizzjoni hi disposta li tibqa’ tiġġieled biex tieħu d-dinjità tagħha. Fi kliemha stess ‘mhux faċli’.

Imma disposta li tibqa’ tiġġieled biex ma tibqax tgħix f’sala f’Monte Carmeli. Li ma tibqax tgħix fil-biża’ u l-inċertezza li qed tgħix illum. Li ma tibqax tgħix ħajjitha b’limitazzjonijiet kbar fuq affarijiet bażiċi. Ix-xewqa tagħha hi waħda: li ssib l-għajnuna biex tgħix ħajjitha.

Il-ħajja ta’ persuni bl-awtiżmu fl-Isptar Monte Carmeli

Meta tkellmet ma’ IT-TORĊA bil-kundizzjoni tal-anonimità qaltilna li “kull filgħodu inqum kmieni qabel l-oħrajn sabiex nasal fil-ħin għax-xogħol. Nitlaq mill-isptar għal ħabta tas-7 ta’ filgħodu u nispiċċa xoghol fil-5.30 ta’ filgħaxija. Wara x-xogħol nibqa’ sejra dirett fl-Isptar Monte Carmeli. Dan għax suppost sas-sitta nkun ġewwa. Jien iżda erġajt bdejt nattendi l-universita fuq bażi part tajm. Min jieħu ħsieb is-sala, u ta’ dan nirringrazzjaha minn qalbi, irranġatli biex nkun nista nidħol wara li nispiċċa mill-Universita jiġifieri xi 8:30 ta’ filgħaxija.

Jien naħdem mit-Tnejn sal-Ġimgħa u tmiem il-ġimgħa ngħaddieh f’Monte Carmeli jew jkolli xi appuntamenti. Ġeneralment nhar ta’ Sibt nmur naħsel il-ħwejjeg f’laundry l-Imsida. Jien insuq u għandi karozza imma ngħix ħajti b’mod limitat minn affarijiet bażiċi fl-Isptar Monte Carmeli. Fis-sala fejn noqgħod ma nistgħux nużaw mowbajl u lanqas kompjuter. Sabiex nużawhom irridu noħorġu mis-sala. Jien filgħaxija lanqas nista’ noqgħod fuq il-kompjuter. La nista’ nara film li jogħġobni, la niekol li jogħġobni. Tidħol it-toilet u issibu imblukkat. Nasal mix-xogħol u jkolli nistenna sa filgħaxija sabiex nieħu xower u nistrieh għax fid-disgħa jiftħulna d-dormitorji. Biex nieħu xower kelli nieħu kedda biex inġib il-permess li wara x-xogħol jiftħuli x-xowers.

Normalment ix-xowers jinfetħu fis-7:30 sa xi 8:15 ta filgħodu u xit-3 ta’ wara nofsinhar. Dak il hin jien nkun x-xogħol. Is-sala li qiegħda fiha huma irgiel u nisa mħalltin. Norqod ġo kamra ta’ sitta. Fir-realtà lanqas privatezza ma għandi għax faċilment jiġu pazjenti oħra jittawlu mit-tieqa filwaqt li l-pazjenti l-oħra tal-kamra dejjem jinbidlu. Issa ilni seba’ xhur hemm u qed nsibha ferm diffiċli li ngħix fil-komunità. Wara x-xogħol inkun irrid li nidħol hemm ġew.

Tkompli tgħid li “għandi l-affarijiet tiegħi msakkrin ġo post li ma jintużax f’Monte Carmeli. Il-fatt li jien nkun xogħol u m hemm xejn li jissakar, inħossni mbeżża għax faċilment jidħlu fil-kamra u jeħduli l-affarijiet.

Tgħidilna li “inbati bil-kundizjoni tal-awtiżmu li taffettwani ħafna fil-ħajja ta’ kuljum imma b’xi mod niffunzjona. L-istat tal-akkomodazzjoni hu iebes ħafna. Jien għalkemm naħdem ma nistax nixtri d-dar tiegħi bħal nies oħra. Dan għax tal-assigurazzjoni ma jinxurjawnix peress li kont kemm il darba fl-Isptar Monte Carmeli. Minħabba l-kundizzjoni tiegħi il-bank lili ma jsellifnix għax jibża’ li ma nkunx kapaċi nħallsu. Ippruvajt għandi nieħu akkomodazzjoni soċjali tal-Istat imma dawk ma japplikawx għalija għax jien naħdem u naqla aktar minn €10,000 fis-sena. X’nagħmel nieqaf naħdem biex inkun eleġibbli għal akkomodazzjoni soċjali tal-gvern?

Inħoss li għandi nagħmel l-almu tiegħi biex naqdi dmiri u nħallas it taxxa iżda nħossni dispjaċuta li waqt li qed nagħmel dan jien imċaħħda mid-dritt ghal post. Hemm min jgħidlek hemm il-postijiet tal-kera. Ir-realtà hawn hi li l-prezzijiet ta’ appartamenti bil-kera huma ferm għoljin. Il-paga li għandi hi ta’ €900.

Fittixt iżda l-aktar li sibt adattati għal kemm nista’ nħallas kienu kmamar jew sodod biex tikri u mhux appartament sħiħ. Bħala persuna, bil-kundizjoni tiegħi n-nies ta’ madwari jarawni diffiċli u għalhekk hu diffiċli ħafna li naqsam dar jew kamra ma xi ħadd. Persuna bl-awtiżmu mhux faċli tgħix ma’ persuni oħra. Hemm il-punt ukoll li mhux kulħadd ikun iridi jikrili peress li jarawni b’ diżabilità.”

Tenfasizza li “qabel dħalt ngħix fl-isptar mentali kont ngħix ġo ‘home.’ Ilni nibdel ‘homes’ ħafna u l-aħħar li kont ngħix kien ma’ aġenzija parastatali. Jien ma għandix familja u lanqas ħbieb. Għandi ħafna diffikultajiet u għandi bżonn l-għajnuna biex inkun nista’ ngħix ħajja dinjituża. Inħoss li servizzi addatati għalija ma jeżistux. Nirriklamaw ħafna l-inkluzjoni iżda ninsabu ferm ‘l bogħod minnha. Miegħi f’Monte Carmeli hemm nies oħra li bħali għandhom l-awtiżmu jew ‘learning disability’ u ma hemmx post jew servizz għalihom. Jiddispjaċini ngħid li l-Monte Carmeli mhux adattat għan-nies bl-awtiżmu. Is-sala li ngħix fiha hi imħallta b’nies b’kundizzjonijiet diversi, bi gravità diversi u bi stejjer differenti.

Hemm minnhom ukoll li kienu l-ħabs jew qed jistennew sentenza. Ħafna minnhom jidħlu bl-effett tad-droga fuqhom u aħna qegħin mħalltin magħhom fejn is-sensittività ta’ l-istorbju mhix meqjusa filwaqt li ngħid għalija tgħallimt diversi mġieba ħażina li qatt ma kont nagħmel qabel. Iżda wara ħafna tispiċċa tidra is-sitwazzjoni. Issir parti minnha u minnek. Tibda tirreaġixxi bħalhom. Nammetti l-imġieba tiegħi marret lura u nirrikonoxxi li rrid naħdem fuqha iżda mhux minn dak l-ambjent. Fejn kont noqgħod kienu dejjem jipprovokawni u jużaw il-poter sabiex flok jgħinuni ngħix fis-soċjetà jkomplu jkissruni. Għajjejt dejjem nispiċċa mormija f’Monte Carmeli. Jien bniedma u nixtieq li ngħix b’mod sigur fejn ma nkunx imbeżża li se nispiċċa bla dar u post fejn nħossni sigura.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport