Sunday, November 3, 2024

Xbieki abbandunati mtellgħin minn qiegħ il-baħar riċiklati fi brazzuletti u keychains

Aqra wkoll

Xbieki abbandunati li ttellgħu l-art minn siti ta’ Heritage Malta f’qiegħ il-baħar ġew riċiklati fi brazzuletti u keychains, grazzi għal kollaborazzjoni bejn il-kumpanija Ġermaniża Bracenet u t-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar (UCHU) fi ħdan Heritage Malta. 

Fl-2020, l-UCHU, b’kollaborazzjoni mal-ATLAM Subaqua Club, tat bidu għal sensiela ta’ għadsiet biex xbieki abbandunati jittellgħu minn qiegħ il-baħar. Sal-lum, erba’ siti protetti taħt l-ilma bbenefikaw minn din il-ħidma – ajruplan Junkers JU88, HMS Nasturtium, HMS Southwold (in-naħa tal-pruwa), u ajruplan B24 Liberator. Fix-xhur li għaddew, l-UCHU kienet f’kuntatt ma’ Bracenet, kumpanija li tirriċikla rkaptu tas-sajd abbandunat u li laqgħet l-istedina tal-UCHU biex jikkollaboraw flimkien. 

Xbieki li ttellgħu mis-siti msemmija ntbagħtu minn Malta lejn il-Ġermanja biex jiġu riċiklati. Ilprodotti li rriżultaw tista’ tarahom hawnhekk: https://bracenet.net/en/bracenet-x-malta-underwater-cultural-heritage/ Dak li hu magħruf bħala ghost gear – jiġifieri xbieki tas-sajd, nases u lenez abbandunati – jikkostitwixxi madwar 10% tal-iskart tal-plastik li jispiċċa fl-oċeani u l-ibħra kull sena. 

Hu stmat ukoll li bejn wieħed u ieħor 70% tal-macro-plastics f’wiċċ il-baħar huwa ghost gear. Il-periklu ta’ dan it-tip ta’ skart jinsab fil-fatt li jibqa’ jeżisti fl-ambjent marittimu għal deċennji sħaħ u jżomm f’wiċċ l-ilma. Is-siti storiċi f’qiegħ il-baħar jiġbdu lejhom ħlejjaq marittimi iżda wkoll irkaptu tas-sajd li jitħabbel magħhom u jagħmel ħsara lilhom u lill-istess ħlejjaq. Il-bugħaddasa wkoll jistgħu jkunu f’periklu li ma jkunux konxji tiegħu. 

F’dawn l-aħħar snin, żdiedet il-kuxjenza dwar it-theddida tal-irkaptu abbandunat u ttieħdu diversi inizjattivi, lokalment u internazzjonalment, biex tittaffa din il-problema. Wara li ġiet innotata l-preżenza ta’ rkaptu abbandunat f’diversi siti f’qiegħ il-baħar madwar il-Gżejjer Maltin, Heritage Malta bdiet twettaq proġett fit-tul ta’ tneħħija ta’ xbieki. L-UCHU qed tippjana li tkompli għaddejja b’din il-ħidma fix-xhur li ġejjin.

Sport