Il-ġranet li għaddew, u min jaf kemm għad fadal, kienu dominati mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-Qafas ta’ Ċittadinanza b’Investiment. Ma nafx għala l-Partit Laburista ħadha daqstant bi kbira li l-Partit Nazzjonalista aġixxa kif aġixxa wara tali deċiżjoni. Kien hemm xi okkażjoni fejn il-Partit Nazzjonalista ġibed l-istess ħabel ma’ Gvern Laburista fi kwistjonijiet internazzjonali? Anzi. L-oppost. Ħalli nfakkrek fi ftit okkażjonijiet minn dawn, li mhux biss juru kif il-Partit Nazzjonalista dejjem aġixxa kontra Malta bi tmexxija ta’ Gvern Laburista imma juru wkoll l-ipokrezija tal-istess Partit Nazzjonalista.
F’Ġunju tal-1971 il-Partit Laburista, dak iż-żmien immexxi mill-Perit Duminku Mintoff, kien rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali bi żbrixx wara t-tbagħbis li kien sar fid-Distretti Elettorali biex ikun aġevolat il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Laburista kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed. Mintoff kien għamilha ċara minn qabel li Partit Laburista fil-Gvern ikun determinat li jġib indipendenza kompleta għall-pajjiż. U hekk għamel mill-bidunett. Kien determinat u deċiż li pajjiżna ma jintużax aktar bħala bażi militari tal-barrani. Li pajjiżna ma jiddaħħalx fi gwerer ta’ ħaddieħor. Li niesna ma jmutux għal xejn. Ma jmutux għall-barrani.
Min għex dawk iż-żminijiet jaf kemm tal-Partit Nazzjonalista ppruvaw ibeżżgħu lill-poplu li jekk jitilqu l-Ingliżi Mintoff kien lest iġib lir-Russi u lil-Libjani. Li l-poplu Malti jmut bil-ġuħ jekk jitilqu l-Ingliżi. Li Malta se tkun theddida għall-kontinent Ewropew għax se jkun hawn ir-Russi u l-Libjani. Il-ħsara li kienu ppruvaw jagħmlu barra minn xtutna, inkluż fl-Ingilterra u fl-Amerka hija magħrufa minn kulħadd. Basta kontra Gvern Laburista. Għadhom sal-lum ma jġerħux Jum il-Ħelsien. Insejt kif aġixxew fil-31 ta’ Marzu li għadda, Jum il-Ħelsien? Insejt li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellux id-diċenza jmur isellem lil Malta Ħielsa?
Każ ieħor. L-istess Gvern Laburista ta’ Mintoff li wassal għall-ftehim għall-għeluq tal-Bażi Militari Ingliża fil-31 ta’ Marzu 1979, mar mill-ewwel iċ-Ċina, irrikonoxxa liċ-Ċina. X’ma qalux in-Nazzjonalisti kontra ċ-Ċiniżi dak iż-żmien? Kemm beżżgħu lill-poplu li Mintoff kien se jġib lil kulħadd jilbes l-istess stil ta’ ħwejjeġ. Li Malta mmexxija minn Mintoff kienet se tkun ta’ theddida għall-kontinent Ewropew għax issa ċ-Ċiniżi kienu se jaħtfu lil Malta. Kemm beżżgħu lill-poplu Malti, kemm xewxu lill-barranin kontra Malta minħabba d-daqs tal-Ambaxxata Ċiniża f’Malta.
Insejt li ftit ġranet ilu l-Kap tal-Oppożizzjoni mexxa delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal żjara fiċ-Ċina? Għandek raġun tesklama: X’ipokrezija ta’ nies!
Aktar. Każ ieħor fejn il-Partit Nazzjonalista ħa l-pożizzjoni tal-barrani f’tilwima li kellu Gvern Laburista wkoll immexxi mill-Perit Duminku Mintoff. Kien il-każ tal-Linja Medjana bejn Malta u l-Libja fejn jirrigwarda tfittxija għaż-żejt f’qiegħ il-baħar. Kien hemm nuqqas ta’ qbil. Tant li r-relazzjonijiet mal-Libja xxelfu xi ftit.
Il-Partit Nazzjonalista bl-akbar mod ipokrita, warrab dak kollu li pprova jbeżża’ bih lill-poplu Malti, lill-Ewropa u lill-Amerika fir-rigward tal-Libjani u mar jiġri b’saqajh mal-warrani lejn il-Libja, għand Gaddafi. Basta jieħu pożizzjoni kontra l-Gvern Laburista.
U issa wasal il-kapitlu Malta – Unjoni Ewropea. Il-Partit Nazzjonalista għadu ma jridx jaċċetta l-fatt li minkejja li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea taħt amministrazzjoni Nazzjonalista l-poplu Malti u Għawdxi emmen, u wera għal aktar minn darba darbtejn, li fejn jirrigwarda negozjati mal-Unjoni Ewropea, kien jippreferi u jafda aktar Gvern Laburista minn Gvern Nazzjonalista. Il-poplu Malti u Għawdxi wera li kien aktar minn konxju li fejn jirrigwarda interess nazzjonali, Gvern Laburista kellu kuxjenza ferm u ferm aktar milli qatt kellu l-Partit Nazzjonalista. L-istorja ta’ pajjiżna tirrifletti dan f’ferm aktar minn episodju wieħed jew tnejn. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jagħmel l-almu tiegħu kollu biex iħammeġ, joskura lil pajjiżna meta dan ikun qed jitmexxa minn Gvern Laburista.
Ħidmet-il Partit Nazzjonalista fil-fora internazzjonali għandha tifsila waħda fejn jirrigwarda Malta. Jekk fit-tmexxija tal-pajjiż hemm Gvern Laburista allura ħammeġ kemm tiflaħ, kemm bil-miftuħ u wisq u wisq aktar b’mod sottili. Opponi kollox. Ostakola lil kull Laburist li jista’ jitressaq lejn istituzzjonijiet Ewropej. Mhux qegħdin nittrattaw episodji li seħħew fil-Medju Evu. Kollha episodji li għixnihom u qegħdin ngħixuhom. Jekk fit-tmexxija tal-pajjiż ikun hemm amministrazzjoni Nazzjonalista allura ilgħaq u kun servili.
Il-kwistjoni “tal-passaporti” għamlu minnha kull forma ta’ tfixkil. Ippruvaw ipinġu lil pajjiżna bħala xi prostituta li qegħda tbiegħ ġieħha għall-flus. Beżżgħu kemm felħu u għadhom ibeżżgħu li Malta se tintuża għal infiltrazzjoni fl-Unjoni Ewropea minn kriminali. Din “tal-passaporti” hija qasam leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment li nħoloq biex Malta tgawdi mill-kontribut ta’ persuni li jemmnu f’pajjiżna billi jinvestu fih. Skont numru ta’ kriterji stabbiliti li jridu jintlaħqu u proċessi ta’ verifikar tkun tista’ tinkiseb iċ-ċittadinanza Maltija.
Għawwar minn hawn u għawwar minn hemm tal-Partit Nazzjonalista wasslu biex f’Ottubru tas-sena 2020 l-Kummissjoni Ewropea bdiet il-proċess li wassal għall-każ kontra Malta fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Malti dejjem kien ċar li kien se jiddefendi dan il-qafas, anke għax kwistjonijiet marbutin ma’ ċittadinanza huma għal kollox kompetenza nazzjonali.
Il-Gvern Laburista għandu għax jibqa’ kburi bil-ġid li nħoloq minn dan il-qafas matul l-aħħar snin, tant li grazzi għalih il-pajjiż għandu fond nazzjonali ta’ investimenti u tfaddil għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Programm li nħoloq u ddaħħal fis-seħħ taħt amministrazzjoni Laburista mmexxija minn Joseph Muscat fl-2015 u minn dakinhar sal-lum ħoloq b’mod dirett iktar minn €1.4 biljun fi dħul għall-pajjiż. Qed jagħmlu aktar minn sewwa l-Gvern Laburista u l-Partit Laburista li jfakkru kemm u b’liema mod ibbenefika l-pajjiż minn dan il-programm.
Sadattant ħalli nfakkrek oħra fejn il-Partit Nazzjonalista qed iżomm mal-Unjoni Ewropea kontra Malta, kontra l-għajnuna finanzjarja li kull wieħed u waħda minna, inkluż huma, qegħdin ingawdu grazzi għal Gvernijiet Laburisti. Il-prezzijiet tal-enerġija. Il-Partit Nazzjonalista jaf daqshekk u daqsi li qegħdin ingawdu minn stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija grazzi għas-sussidji kontinwi ta’ Gvernijiet Laburisti.
L-Unjoni Ewropea ilha tinsisti biex dan ma jkomplix għaddej. Trid li dan is-sussidju jitwaqqaf. Gvern Laburista qal u għadu jgħid le: dik affari tagħna u dwarha niddeċiedu aħna u se nibqgħu għaddejjin bih. Il-Partit Nazzjonalista: Dan is-sussidju mhux sostenibbli. Fi kliem ieħor, li kien għalihom isir dak li trid l-Unjoni Ewropea.
Ara tafdahomx!