Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn meta kont żgħir ħafna. Dak iż-żmien bdejt nilgħab man-Nursery tal-Mellieħa u, iżjed tard, mort ukoll għal xi perjodu mal-Imġarr. Minn meta kont żgħir, il-ġenituri tiegħi ta’ spiss kienu jeħduna Ta’ Qali biex naraw lil Birkirkara FC jilagħbu, fejn dak iż-żmien in-nies kienu jikkonkorru bi ħġarhom u l-atmosfera kienet waħda tal-ġenn. L-imħabba għal-logħba tal-futbol dejjem kompliet tikber fija, sakemm fl-età ta’ 19-il sena ddeċidejt li nibda nikseb il-liċenzji tal-kowċing. Hemmhekk stajt nara, nifhem u nistudja aħjar aspetti oħra li jsawru l-logħba li tant inħobb.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Assistant Coach ta’ Mġarr United FC.
Ir-rwol tiegħi bħala assistant coach huwa wieħed fejn, flimkien mal-kowċ, naqsmu l-ideat ma’ xulxin sabiex inkunu nistgħu nieħdu l-aħjar deċiżjoni possibbli għall-ġid tat-team. Fit-taħriġ nara wkoll li kull plejer individwali jkun qed jifhem il-pjan tattiku li nkunu qed inħejju għal-logħba li jkun imissna. Barra minn hekk, nieħu ħsieb ukoll li, flimkien mal-kowċ, nanalizzaw tattikament lill-avversarji li nkunu se nilagħbu magħhom sabiex kemm jista’ jkun inkunu nistgħu nippreparaw lill-players tagħna bl-aħjar mod possibbli għal kull xenarju li jistgħu jħabbtu wiċċhom miegħu, speċjalment tattikament.
Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Kurt Baldacchino?
Jien u Kurt kemm-il darba lgħabna kontra xulxin bħala avversarji meta konna nikkowċjaw fil-youths. Kurt huwa bniedem dedikat ħafna, fejn għalih id-dettall huwa kollox. Tattikament naħsbu ħafna l-istess u għandna ideat ċari ħafna f’moħħna. Għalkemm kemm jien kif ukoll Kurt għadna żgħażagħ fl-età, il-passjoni fix-xogħol tagħna hija waħda kbira u għal kull logħba nagħmlu ċert li ma nħallu xejn barra. Meta l-Imġarr ikkontattjawni biex nassisti lil Kurt, mill-ewwel kelli fiduċja li se nkunu qed naħdmu tajjeb flimkien, u sa issa l-esperjenza hija waħda pożittiva ħafna.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Preżentament, l-objettiv tagħna huwa li nieħdu logħba b’logħba u nippruvaw noħorġu minn kull logħba bil-punti massimi sabiex inkunu f’pożizzjoni fil-klassifika li tixraq lill-plejers, lill-kumitat u anke lill-partitarji ta’ dan il-klabb. Il-kampjonat, kif tixhed il-klassifika, huwa wieħed kumbattut ħafna fejn kull logħba hija diffiċli.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti, iżjed ma jgħaddi ż-żmien, iżjed qiegħed jitjieb. Hemm element żagħżugħ interessanti ħafna fejn, anke bl-għajnuna ta’ players ta’ esperjenza u barranin ta’ livell, jistgħu jkomplu jtejbu l-livell tagħhom jekk il-klabbs tagħhom juruhom il-fiduċja.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-klabb tal-Imġarr huwa attrezzat b’faċilitajiet tajbin. Il-pitch, bħall-biċċa l-kbira tal-pitches f’Malta, huwa użat żżejjed u għalhekk huwa diffiċli ħafna biex il-pitch u l-art jibqgħu ta’ kwalità. Sfortunatament, bosta plejers isofru minn injuries hawn Malta minħabba l-kundizzjonijiet tal-istess pitches.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Dejjem emmint li fil-ħajja trid titla’ tarġa tarġa u li xejn ma jiġi mingħajr sagrifiċċju. Bħalissa ninsab ma’ club li kellu l-kuraġġ jagħżel staff tekniku żgħir fl-età. Preżentament ninsab iffukat biex nagħmel biċċa xogħol tajba flimkien mal-kowċ u l-istaff tekniku.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed: ħadd m’għandu għalfejn jaqta’ qalbu biex jasal fejn jixtieq. Xejn ma jiġi bla sagrifiċċju u determinazzjoni. Emmnu fikom infuskom dejjem, ħudu dak li tistgħu minn kull esperjenza u imxu dejjem pass pass.

