Friday, February 28, 2025

Xejn ma jiġi b’xejn …  min jaħdem, u jaħdem tajjeb jasal – Mark Herrera

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Ili f’dan l isport min 1993, fejn wara karriera twila ġot-trakka fuq tlielaq ta’ nofs distanza, fl-2016 ħadt deċiżjoni li naqleb għal tlielaq itwal bħal 10km, nofs u full marathon. Minn dejjem inħobb l-isport in ġenerali iżda l-atletika tagħtik sodisfazzjoni ikbar. Li tagħmel tagħmlu għalik, ħin li tirrilassa.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa? Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta’ Malta. Agħtina iktar dettalji.

Kelli ħafna suċċessi differenti maż-żmien, l-ikbar dejjem ġot-trakka middle distance, iżda din ta’ nhar il-Ħadd fin-Nofs Maratona hija sodisfazzjon differenti.  Ilni ħafna snin nagħmilha u dejjem ġrejt tajjeb, iżda dejjem b’xi intopp ġimgħa qabel.  Allura dejjem kelli ħinijiet tajba iżda sa 1.12.38 l-aħjar li qatt wasalt. Illum, 1.09.54 huwa fl-aħħar il-ħin li ħaqqni wara ħafna żmien.  Wasal, ta’ 40/1 sena wasal.  Peró, bħal dejjem, l-impenn tiegħi ma naqas qatt għal dan l-inċentiv.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Bħal dejjem fl-atletika u fi sport ieħor ikollna peaks u peaks differenti bejn nisa u rġiel, field or track.  Naħseb li l-livell għamel qabża f’dawn l-aħħar snin inġenerali, u lħaqna livell ieħor għax xi 4-5 atleti (bla ismijiet imma nafu min huma … u iktar importanti għadhom żgħar U-25).  X’hemm ġej?  Naħseb li tiela’ grupp sabiħ ta’ atleti minn etajiet varji.  Hemm ħafna kondizzjonijiet iżda naħseb li se naraw il-livel jibqa’ sejjer għall-ahjar.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Qatt u qatt ma nistgħu naslu għar-riżorsi ta’ pajjiżi ikbar minna, imma aħna għandna l-ikbar riżorsa.  Kollox iktar viċin, u trid inqas ħin biex wara skola / xoghol tmur għat-taħriġ, u isbaħ minn hemm, il-familja tibda viċin.  Hemm ħafna affarijiet żgħar li nistgħu nirranġaw, u konvint li l-livell jibqa’ sejjer għall-aħjar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Nieħdu kollox sena sena issa.  Inħares lejn il-maratona biex hemm ukoll nagħmel ħin ħafna aħjar milli għandi. Minn hemm, naraw x’ikun imiss.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ inġererali huwa li, xejn ma jiġi b’xejn.  Jien naħdem għalih kuljum is-sena kollha. Min jaħdem, u jaħdem tajjeb jasal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport