Minn Cristian Muscat
Giacomo Volpe hu goalkeeper Taljan ta’ 28 sena li riċentement ingħaqad ma’ Birkirkara FC sabiex ikun parti mit-tim li se jilgħab fil-Malta Premier League il-ġdid. Il-goalkeeper li twieled fil-belt ta’ Biella fl-Italja kellu perjodu ta’ seba’ snin jitħarreġ ma’ Juventus fejn kellu ċ-ċans li jitgħallem sew mingħand Gianluigi Buffon u Marco Storari. Kellu ċ-ċans ukoll jiġi mgħajjat mill-kowċ ta’ dak iż-żmien Massimiliano Allegri fl-iskwadra ewlenija għalkemm qatt ma kellu ċ-ċans li jilgħab minuta jew tnejn.
It-tul ta’ 1.89 metri jgħinu ħafna fl-interventi bejn il-lasti u għal ħafna hu sigurta’ sabiex iżomm il-lasta tiegħu mhux mimsusa.
Fil-karriera tiegħu lagħab ukoll ma’ Corregese, Gubbio, Cremonese, Foggia, Arzignano u Felarpisalo. L-iktar tim li lagħab miegħu kien proprju Gubbio li fi tliet snin deher 91 darba. Din il-gazzetta ltaqgħet ma’ Volpe li deher ferm motivat għal din l-esperjenza l-ġdida li se jkollu barra minn pajjiżu.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? U kif għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Bdejt nilgħab il-futbol ta’ eta’ żgħira ħafna. Jien kont imdorri f’ambjent ta’ futbol u tennis. Ġej ukoll minn familja sportiva u kulħadd kien iffissat fl-isport. F’xi mument ridt nagħżel liema sport naqbad u jien kont iddeċidejt li mmur għall-futbol. Fl-istess waqt kelli liz-ziju u lin-nannu jilagħbu bħala goalkeeper u ġejt inflwuenzat b’mod pożittiv. Kienet xi ħaġa naturali li nokkupa r-rwol ta’ goalkeeper għax kont narahom jilagħbu u kienet taffaxxinani dik ir-responsabbilta’ li jkollok li żżomm lit-tim tiegħek fil-logħba billi tilqa’ l-blalen.
Int kont titħarreġ ma’ Juventus għal seba’ snin sħaħ. X’tiftakar minn dan iż-żmien?
Niftakar ħafna memorji sbieħ, iktar u iktar meta miegħi kelli żewġ goalkeepers kbar bħalma kienu Marco Storari u fuq kollox il-leġġendarju, Gianluigi Buffon. Jien tgħallimt ħafna mingħandhom speċjalment meta bdejt nitfarfar u bdew jagħtuni ħafna pariri importanti kif għandu nkun bejn il-lasti. Jien għamilt hemm bejn it-12 u d-19-il sena u tista’ tgħid li ħadt ħafna valuri importanti mingħandhom. Kelli ċ-ċans niġi mgħajjat ukoll mat-tim tal-kbar għalkemm qatt ma kelli ċ-ċans niddebutta magħhom.
Juventus dejjem kellhom goalkeepers tajbin u għalhekk kelli ċ-ċans li nitħarreġ mal-aqwa kowċis tal-goalkeepers fejn tawni għajnuna kbira sabiex intejjeb il-livelli tiegħi. Tista’ taħseb li l-kompetizzjoni hi waħda kbira u għalhekk ma kinitx faċli għalija li nsib posti mat-tim. Madankollu lgħabt diversi partiti mat-tim taż-żgħażagħ. Issa se nipprova nġorr din l-esperjenza sabiex immur tajjeb ma’ Birkirkara.
Liema kienet il-logħba li tibqa’ tiftakar kemm ilek tilgħab?
Naħseb l-iktar logħba li baqgħet ittimbrata f’moħħi kienet dik bejn Cremonese u Venezia. Kont iddebuttajt ma’ Cremonese fis-serie B u bla dubju kont qed nistenna ħafna dan il-mument peress li tħarriġt bis-serjeta’ għal dan kollu. Ma’ Cremonese għamilt 11-il logħba u wara ftit kont mort ma’ Foggia.
Kif ġejt f’Malta u xi tgħidli dwar l-ewwel mumenti tiegħek bħala goalkeeper ta’ Birkirkara?
Din hi l-ewwel esperjenza tiegħi barra mill-Italja. Kont imdorri nilgħab għal numru ta’ snin ma’ klabbs Taljani u bla dubju din se tkun esperjenza li minnha se nitgħallem ħafna. Fl-Italja hemm goalkeepers tajbin ħafna u naħseb li esperjenza barra tgħin ukoll sabiex titgħallem kulturi ġodda, lingwa ġdida u fuq kollox tara kampjonat differenti li jien imdorri biha.
Birkirkara qed narah tim organizzat ħafna li għandu plejers ta’ livell li jistgħu jagħmlu d-differenza kollha waqt il-logħob.
Nixtieqek tgħaddi messaġġ lit-tfal u liż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-futbol.
L-ewwel u qabel kollox hu importanti li t-tfal jiddevertu jilagħbu l-futbol mingħajr ma jkollhom pressjoni żejda. Xi kultant il-ġenituri stess jagħmlu pressjoni fuq it-tfal tagħhom għax ikunu jriduhom jilħqu xi plejers kbar għalkemm dan kollu jaf ikun biss ta’ dannu.
Jekk trid tirnexxi wieħed irid jipprova u jerġa’ jipprova sakemm ikun tajjeb. Xejn ma jsir mal-ewwel u pass pass dejjem titjieb. Dawn l-esperjenzi huma parti mill-maturitá ta’ plejer u bilfors trid tgħaddi minnhom. Fl-aħħar mill-aħħar tirċievi r-riżultati mixtieqa!