Nhar it-Tnejn li għadda sar l-aħħar dibattitu bejn iż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. It-tnejn li huma – Alex Borg u Adrian Delia – qalu tagħhom, madanakollu ma ħareġ xejn ġdid u ta’ sustanza fuq dak li qalu fl-ewwel dibattitu ta’ ftit ġimgħat ilu. B’dispjaċir ninnutaw illi ħafna minn dak li ntqal huwa biss sensazzjonaliżmu, bħal meta ngħad minn wieħed mill-kontestanti li bit-talent li għandu l-Partit Nazzjonalista fil-grupp parlamentari u fl-MEPs jista’ jirbaħ lill-Partit Laburista “hands down”.
Asserzjonijiet bħal dawn nemmnu li m’għandhom jingħadu qatt meta t-test aħħari huwa l-elezzjoni ġenerali, li sal-lum kull stħarriġ li sar dejjem wera li l-Partit Laburista għadu jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu, ferm aktar milli jgawdi l-Partit Nazzjonalista. Għalhekk asserzjonijiet ta’ dan it-tip ma nistennewhomx minn xi ħadd li jaspira li mhux biss ikun il-Kap tal-partit tiegħu imma wkoll li jmexxi l-gvern tal-pajjiż.
Anke jekk niġu għall-fatti tad-dibattitu, meta kontestant minnhom ġie mistoqsi jekk hemm it-talent fil-PN, fejn qed jonqos il-partit milli jwassal il-messaġġ tiegħu, ma ngħatat ebda tweġiba konkreta ħlief li jista’ jkun li dawk l-ideat mhumiex qed jitwasslu bl-aktar mod effikaċi jew għand min suppost jaslu. Bi tweġiba bħal din, il-poplu Malti baqa’ fejn kien għax ma ngħatat ebda tweġiba tanġibbli dwar dawn l-ideat u kif se jitwasslu fejn għandhom jitwasslu.
Ma setax jonqos li d-dibattitu tat-Tnejn iqanqal ċertu kummenti minn segwaċi tagħhom stess. Tant li partitarju minnhom b’kumment dirett lejn Borg qallu li moħħu biex jattakka lil Robert Abela, bħalma kien għamel il-kap ta’ qablu u ara f’hiex sab ruħu l-partit. L-istess segwaċi semma li hemm bżonn mentalità ġdida u li kien jistenna li żagħżugħ bħal Borg ma jkunx daqshekk negattiv u li f’Malta qisu kollox ħażin.
Minn kummenti bħal dawn, għandna għax nifhmu li ħafna Nazzjonalisti ġenwini għatxana għall-politika tal-għaqda u mhux ta’ firda u li hemm bżonn li l-PN joħroġ bi proposti konkreti li jistgħu jitwettqu.
Madanakollu, wara kampanja ta’ tmien ġimgħat se nkomplu nistennew sa nhar is-Sibt li ġej biex inkunu nafu min se jkun il-Kap li se jmexxi l-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.