Sunday, November 24, 2024

XEJRA LI L-PRODOTTI NAQSU FIL-PIŻ U TRASPARENZA TA’ XEJN 

Aqra wkoll

L-aħħar erba’ ġimgħat tas-sena li għaddiet u din ix-xerja jidher li se tkompli, għal darba oħra erġajna bdejna nesperjenzaw żieda fl-inflazzjoni – żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel. Wara xhur fejn l-inflazzjoni bil-mod il-mod kienet nieżla, proprju matul ix-xahar ta’ Diċembru rajna l-inflazzjoni tgħolli rasha sew fi Stati fil-Ġermanja u fi Franza. Fatt li ovvjament mistenni jkollu impatt fuq il-pajjiżi l-oħra, inkluż pajjiżna fil-ġimgħat li ġejjin. 

Fi Franza rajna l-inflazzjoni titla’ minn 3.9 fil-mija f’Novembru għal 4.1 fil-mija, fatt li qiegħed iqajjem tħassib. Fil-Ġermanja ż-żieda fl-inflazzjoni kienet akbar u minn 2.3 fil-mija telgħet għal 3.8 fil-mija. 

Jekk wieħed janalizza dak li għaddej isib li l-inflazzjoni ġejja minn żidiet fil-prodotti tal-ikel. Għandna sitwazzjoni u din qegħdin narawha tiġri anke f’pajjiżna, fejn mhux biss qegħdin naraw żieda fil-prezzijiet u dawn ma marrux għal kif kienu sa qabel Frar 2022, imma l-istess konsumaturi qegħdin jesperjenzaw fenomenu ieħor. Dan hu dak ta’ prodotti li baqgħu l-istess fil-prezz jew għolew bi ftit imma mbagħad il-piż tagħhom naqas. 

Jekk wieħed joqgħod attent meta jmur jixtri se jara li hemm prodotti li naqsu sew fil-volum u l-piż li kien ikollhom. Dan jgħodd kemm għal prodotti tal-ikel u anke għall-prodotti tax-xorb. Dan ifisser li qed tħallas aktar u tieħu inqas. 

Sfortunatament f’pajjiżna u dan mhux qed jiġri f’pajjiżna biss, għandna sitwazzjoni fejn immorru nixtru prodotti u għalkemm insibu li għadhom l-istess prezz jew żdiedu ftit, il-piż tagħhom naqas. Tinduna għax xħin tiftaħ il-prodott biex tużah tinduna li l-volum ta’ ġo fih hu ferm u ferm inqas minn kemm kien ftit tax-xhur ilu. Dan qed isir mingħajr ma teżisti ebda informazzjoni fuq il-prodotti li tgħid li l-prodott baqa’ l-istess prezz imma naqas il-piż tiegħu. 

Ma nistgħux ma nistaqsux din xi trasparenza hi. Meta għall-Unjoni Ewropea is-suq intern hu tant importanti, l-istess kif inhuma id-drittijiet tal-konsumaturi, kif għandna sitwazzjoni fejn konsumaturi qegħdin iħallsu għall-prodott u jieħdu inqas mingħajr ma jiġu infurmati? Din hi sitwazzjoni li spiss konsumaturi jilmentaw ma’ tal-ħwienet, li ovvjament dawn m’għandhom l-ebda tort għal dan. 

Nemmnu li mhux ġust li l-konsumaturi jitħallew fl- għama dwar dan. Mhux ġust li jinxtraw prodotti fejn il-konsumaturi mingħalihom li ma għolewx fil-prezz imma mbagħad jindunaw li naqsu fil-volum. Nemmnu li din il-materja għandha tkun trattata mill-awtoritajiet kompetenti. L-informazzjoni u t-trasparenza hi l-akbar għodda għall-konsumaturi fis-suq intern biex jagħmlu l-għażliet tagħhom. Hi l-aħjar għodda għal kompetizzjoni ġusta. Hu proprju għalhekk li importanti li l-konsumaturi ikunu informati b’dak li għaddej u jkunu konxji liema huma dawn il-prodotti. Qegħdin ngħidu dan għax dan jaffettwa l-għażliet tal- konsumaturi. Hu fatt li l-konsumaturi aktar jinnutaw meta prodott jiżdied fil-prezz, milli meta dan jibqa’ l-istess prezz imma jonqos fil-volum. Dan hu kif jaħdem il-lat psikoloġiku tal-konsumaturi. Mhux ġust li l-konsumaturi jiġu mqarrqin b’mod li mingħalihom jixtru prodott li baqa’ bl-istess prezz meta fil-fatt naqas fil-volum, li jfisser li xorta qed iħallsu aktar għal dak l-istess prodott għax se jservihom inqas. Din hi sitwazzjoni li qiegħda tiġi esperjenzata fuq firxa wiesgħa ta’ prodotti. 

Il-konsumatur jista’ jiġġieled din ix-xejra billi juża is- saħħa tiegħu. Biex jagħmel dan imma irid ikun infurmat. B’informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi dwar dawn il-prodotti u kumpaniji li qegħdin jużaw din il-prattika, il-konsumaturi jista’ jagħmlu l-għażliet tagħhom b’mod aktar infurmat. Is-saħħa qiegħda dejjem f’idejn il-konsumatur imbagħad f’idejh jekk iridx jużaha jew le. 

Sport