Tuesday, May 7, 2024

Xejra pożittiva fil-kundizzjonijiet tan-negozji

Aqra wkoll

Fil-perijodu bejn Lulju u Settembru tal-2021, il-kundizzjonijiet tan-negozju komplew jitjiebu tant li 65% tan-negozji mistħarrġa rrappurtaw żieda fl-attività u 16% rrappurtaw tnaqqis. Għalhekk, persentaġġ nett ta’ 49% ta’ dawk li wieġbu rrappurtaw żieda fl-attività matul it-tliet xhur ta’ qabel l-intervista, żieda minn 28% fit-tieni kwart tas-sena.

Dan it-tagħrif ħareġ mit-Tielet Edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2021 publikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta li semma wkoll li kważi nofs in-negozji intervistati rrappurtaw li huma jistennew li l-attività kummerċjali se tiżdied, filwaqt li 11% kienu qed jistennew tnaqqis. Barra minn hekk, il-proporzjon ta’ dawk li kienu inċerti mill-prospetti tan-negozju kompla jonqos.

Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu sostanzjali fit-tielet kwart tas-sena, bi kważi żewġ terzi tal-kuntatti jirrappurtaw li raw żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni. Parzjalment minħabba spejjeż għoljin, madwar 39% tan-negozji intervistati rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Madankollu, 14% rrappurtaw tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ, filwaqt li kważi nofs in-negozji intervistati ħallew il-prezzijiet tal-bejgħ kif kienu. 

Fit-tielet kwart, 73% ta’ dawk li wieġbu qalu li komplew il-pjanijiet tagħhom ta’ investiment kif skedat, filwaqt li 14% rrappurtaw posponiment. Il-proporzjon ta’ dawk li wieġbu li l-pjanijiet ta’ investiment ġew ikkanċellati żdied marġinalment għal 3%. 

Fid-dawl taż-żieda fl-attività, 37% nett tan-negozji qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema. Madankollu, matul it-tielet kwart tas-sena, aktar kumpaniji esprimew tħassib dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema. 

Sport