Sunday, November 24, 2024

Xettiċiżmu dwar l-iffissar ta’ prezzijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel

… sejħa biex ikunu pubblikati il-prezzijiet

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem u ġimgħat madwar l-Ewropa u f’pajjiżi ‘l barra minnhom kompliet ix-xerja ta’  żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel. Fir-Renju Unit fl-aħħar jiem tħabbar li l-inflazzjoni fil-prodotti tal-ikel kienet telgħet għal 19 fil-mija. Din ir-rata hi qrib ħafna tar-rata rekord ta’ inflazzjoni li kienet ġiet irreġistrata fir-Renju Unit 45 sena ilu.  Quddiem din iż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel, liema żidiet qegħdin jinkwetaw bi sħiħ lill-konsumaturi, diversi pajjiżi daħħlu miżuri drastiċi fosthom dik li prezzijiet ta’ prodotti essenzjali ma jiżdidux imma jkunu kontrollati. Diversi pajjiżi oħra qed jaħsbu jekk huma għandhomx jieħdu passi simili. Mistoqsija li trid issir hi dik ta’ kemm huma effettivi kontrolli simili. F’pajjiż bħal Malta, kontrolli simili ta’ prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel, hi soluzzjoni jew jista’ jkun hemm soluzzjonijiet oħra?

IT-TORĊA tkellmet ma’ Benny Borg Bonello, mill-Għaqda tal-Konsumaturi dwar dawn il-kontrolli f’pajjiżi barranin. 

Benny Borg Bonello wera ix-xettiċiżmu tiegħu dwar kontroll ta’ prezzijiet tal-ikel billi jkun hemm prezz iffissat u dan ma jogħliex. Qalilna li “l-iffissar tal-prezzijiet trid toqgħod ħafna attent minnu. Bħalissa l-prezzijiet tal-ikel qegħdin jikkonfondu lil ħafna. Il-prezzijiet tal-ikel baqgħu telgħin. Bħala inflazzjoni naqset imma fejn jidħlu prezzijiet tal-ikel dawn baqgħu jiżdiedu.  Jekk nieħdu x’ġara f’Malta fi żmien il-Covid 19 meta l-prezzijiet ta’ ċerti prodotti li bdew jintużaw għas-sanità u protezzjoni bdew jogħlew, kien ġie ffissat prezz. X’ġara? Il-prezz li ffissaw għal prodott kien ta’ €5. Dawk li kien irħas imbagħad bdew ibiegħuhom bil-€5 ukoll.”

Borg Bonello jisħaq li “jien personalment aktar nemmen li għandna nagħmlu kompetizzjoni. Din issir billi tesponi l-prezzijiet li bih ikun qed jinbiegħ il-prodott. B’dan il-mod in-negożju se jara li se jkollu prezz tajjeb biex jattira lin-nies. Id-dinja llum inbidlet. Biex tikkontrolla l-prezzijiet u tinforza l-iffissar tal-prezzijiet se jkollhom bżonn l-infurzar. Jien xettiku fuq l-iffissar tal-prezzijiet. Aktar nemmen f’kompetizzjoni”. 

Benny Borg Bonello qalilna li “meta jkun l-iffissar tal-prezzijiet u li minħabba f’hekk dawk il-prodotti ma jkunux jistgħu jogħlew, li jiġri hu li l-prodotti qatt ma jkunu irħas mill-prezz massimu li jkun ġie ffissat. Nemmen li l-inflazzjoni fil-prezzijiet tista’ tiġi miġġielda billi nesponu l-prezzijiet. L-Awtorità għall-Konsumaturi (MCCAA) tiġbor il-prezzijiet. Ma nistax nifhem għaliex dawn ma jridux jippubblikawhom”.

Kompla jgħid li “l-inflazzjoni b’mod ġenerali naqset, għalkemm din mhux se tkun solvuta qabel tintemm il-gwerra fl-Ukrajna. Li wieħed jiffissa l-prezzijiet fid-dinja ta’ llum narawha diffiċli. F’Malta għaddejna minn din l-esperjenza anki ammont ta’ snin ilu. Nemmen aktar f’kompetizzjoni għax b’hekk in-negozji jikkompetu bejniethom biex il-prezzijiet tagħhom ma jkunux għola minn ta’ ħaddieħor. Li rridu nagħmlu hu li nkabbru l-kompetizzjoni u dan billi nippubblikaw l-prezzijiet.  Ma ninsewx li s-suq ħieles biex jaħdem tajjeb il-konsumatur irid ikollu l-informazzjoni”, temm jgħidilna Borg Bonello.

X’qed jiġri fir-Renju Unit?

Kien proprju fl-aħħar jiem li sar magħruf li l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel fir-Renju Unit laħqet id-19 fil-mija. Dan wassal biex il-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak beda jipprova jilħaq ftehim ma’ supermarkets ewlenin  u dan bil-għan li huma b’mod volontarju jillimitaw il-prezzijiet fuq prodotti tal-ikel bażiċi bħal ħalib u ħobż.

Fi Franza, bil-Gvern taħt pressjoni kbira, is-sidien ta’ negozji qablu li joffru prezzijiet irħas għal prodotti essenzjali.  

Apparti Franza hemm pajjiżi bħall-Kroazja u l-Ungerija li ħadu passi simili u ffissaw prezzijiet fuq prodotti tal-ikel essenzjali.

Pjani simili ma jonqosx li ma jintlaqgħux tajjeb minn negozji, fejn fir-Renju Unit il-pjani li hemm ġabu kritika qawwija mis-sidien tas-supermarkets il-kbar.

Il-kontroll tal-prezzijiet ma jaħdimx biex inaqqas l-inflazzjoni

Jekk wieħed ikollu jara x’ġara fid-dinja matul is-snin meta ttieħdu miżuri ta’ iffissar ta’ prezzijiet minħabba l-inflazzjoni, wieħed isib li l-iffissar tal-prezzijiet ma jkunx effettiv biex jikkontrolla l-istess inflazzjoni. 

Prattikament li jagħmel l-iffissar tal-prezzijiet hu li jirrestrinġi il-provvista u b’hekk jibdew jinħolqu l-iskarsezzi.

Ekonomista li tkellem ma’ IT-TORĊA, qalilna li “b’miżuri ta’ iffissar ta’ prezzijiet, kull ma jkunu qed jiġri hu biss li għal ftit żmien jinħbew is-sintomi. Il-marda ma tkunx qed issolviha.  L-inflazzjoni titratta biss billi tħalli s-suq jaħdem. M’hemm ebda miżuri ta’ malajr li tista’ tieħu biex issolvi l-problema tal-inflazzjoni.”

Sport