Thursday, December 26, 2024

“Xewqa li bis-sehem ta’ kulħadd naslu f’sitwazzjoni fejn dawn il-clean-ups ma jkunx hemm għalfejn isiru”

Aqra wkoll

Waqt attività ta’ tindif li saret dalgħodu fuq il-Bajja tal-Għadira, il-Kummissjoni  Interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li ħadd ma jieħu gost jiġbor skart li ħalla ħaddieħor, u għalhekk il-Kummissjoni tħoss li attivitajiet bħal dawn għandhom iħeġġuna biex  nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq il-ħarsien tal-ħolqien.  

Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Ambjent, Mario Camenzuli, wera x-xewqa li  bis-sehem ta’ kulħadd naslu f’sitwazzjoni fejn dawn il-clean-ups ma jkunx hemm  għalfejn isiru. Qal li biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna jeħtieġ nagħmlu clean-up tal-attitudni tagħna lejn dak kollu li jinsab madwarna, lejn l-ambjent li ngħixu fih, lejn  il-proxxmu tagħna, u lejn il-ħolqien. Għaldaqstant, saħaq li għandna noqogħdu attenti  għall-konsumeriżmu żejjed li jħalli effetti negattivi fuq il-bniedem u fuq l-ambjent ta’  madwarna. Qal ukoll li jeħtieġ nimmiraw għal stil ta’ ħajja aktar sostenibbli u bħala  individwi kif ukoll bħala poplu, jeħtieġ ikollna aktar għarfien dwar il-miri għall-iżvilupp  sostenibbli, nitħarrġu sew fuqhom, u naħdmu qatigħ biex nilħquhom.  

Mario Camenzuli fakkar li matul ix-xahar ta’ Settembru l-Insara kollha jiċċelebraw ix-Xahar tal-Ħolqien (Season of Creation) u li din is-sena huwa wkoll għeluq il-ħames  snin mill-pubblikazzjoni tal-enċiklika Laudato si’ tal-Papa Franġisku dwar l-għożża  tad-dar komuni. F’din l-enċiklika l-Papa jagħmel referenza għall-kultura tal-iskart u  jappella biex ilkoll kemm aħna jkollna sens ċiviku qawwi, biex titjieb il-kwalità tal-ħajja.  Camenzuli qal li l-KA temmen li huwa tajjeb li minn żmien għal żmien gruppi ta’ nies  jagħtu mill-ħin tagħhom biex inaddfu postijiet mill-iskart li nkunu ħloqna aħna stess,  imma insista li fuq il-ħtieġa li lkoll kemm aħna naħdmu favur stil ta’ ħajja li tiġġenera  inqas skart li fl-aħħar mill-aħħar joħloq problemi minn diversi aspetti. 

Din l-attività ta’ tindif, li saret fl-okkażjoni tal-World Clean-up Day u bħala parti  mill-kampanja Save Our Blue, ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp  Sostenibbli u Tibdil fil-Klima.

Ekonomija

Sport