Tuesday, December 10, 2024

X’għandna … x’m’għandniex … Nies bla dar (1)

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

It-turisti jiġu Malta biex jaraw il-knejjes, bliet bis-swar, palazzi, irdumijiet u xtajta mrammla.  Dan kollu nistgħu ngħiduh. Iżda aħna l-Maltin nistgħu wkoll ngħidu, fl-istess nifs u b’konvinżjoni, li Malta m’għandha xejn.  La muntanji, la xmajjar, la art, la annimali slavaġ, la ħaġar prezzjuż, la metalli u lanqas l-iktar ħaġa bażika: ilma. Fil-fatt Malta hija l-inqas stat indipendenti li għandu ilma fid-dinja.  L-iktar wieħed xott.

Mil-lat pożittiv, nistgħu ngħidu wkoll li lanqas m’għandna gwerra u faqar.  

Iżda fl-aħħar mill-aħħar nelenka żewġ affarijiet li huma l-iktar affarijiet prestiġjużi f’dan il-pajjiż. U dawn mhumiex dak li għandna.  Iżda, għal darb’oħra, dak li m’għandniex.  

Pajjiż ma jissejjaħx sinjur għal dak li għandu biss. Uħud mill-pajjiżi meqjusa l-ifqar fid-dinja huma l-aktar għonja fil-fawna u l-flora, fil-wesgħat tal-art u fir-riżorsi naturali u dawn jinsabu fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina.  L-ironija hija li l-iktar pajjiżi u kontinenti li għandhom art fid-dinja huma l-ifqar u l-iżgħar kontinent u pajjiżi ddomminaw lill-ikbar kontinenti u pajjiżi għal sekli twal.  Dan kont iddiskutejtu f’artiklu fil-passat tal-2015 bl-isem: ‘Fqar għax sinjuri’ u dak li għedt dak iż-żmien għadni nemmen fih. 

Iżda llum qed nitkellem dwar realtà oħra.  Mhux l-ironija li iktar m’għandek inqas inti sinjur. Iżda li dak li jagħmel pajjiż sinjur huwa dak li m’għandikx u mhux dak li għandek. 

L-għerf mhux biss li tintebaħ b’dak li jidher iżda li tapprezza dak li ma jidhirx.  Jew dak li saħansitra mhux hemm. Ma jeżistix.

U bejn pajjiż u ieħor ukoll teżisti l-qoxra ta’ barra u l-verità. Il-pakkett mibjugħ lit-turist jew lill-barrani u r-realtà.  Il-propoganda politika tal-gvern li turi li kollox miexi ħarir u r-realtà li jgħixu fil-ħajja tagħhom in-nies, il-maġġoranza tan-nies jew minoranzi fil-pajjiż.

Għalkemm f’pajjiżna aħna pjuttost konxji mill-fatt illi l-klassi tan-nofs hija kbira, ftit jirrealizzaw illi aħna sinjuri ħafna iktar milli naħsbu u ma nafux. Bl-istess mod, ħafna popli Ewropej, huma foqra u ma jafux.

Għalija, pajjiż jissejjaħ sinjur jekk niesu  jkunu sinjuri. U mhux biss jekk xi nies ikunu sinjuri imma jekk kulħadd ikun sinjur.  

U ż-żewġ affarijiet li m’għandniex u li verament jagħmluna sinjuri huma l-fatt illi Malta la għandna tallaba u lanqas nies bla dar.

Din hija problema li tħammar wiċċ l-Ewropa: kontinent ‘sinjur’ li niffurmaw parti minnu.  It-traġedja umana fit-toroq tal-ibliet kbar Ewropej ma taqta’ xejn. Nies bla dar, nies jittallbu, nies jieklu minn ġol-laned taż-żibel. Nies ittrattati ferm agħar mill-annimali. 

Dan jagħmel lilna verament sinjuri u lilhom fil-verità foqra.

Il-kburija tiegħi bħala Maltija hija li ma nafx inħares b’indifferenza lejn dawn in-nies.  Iżda illi mhux jien biss ma nafx nagħmel dan: il-gvernijiet tiegħi wkoll. 

Malta solviet il-problema ta’ nies jgħixu barra b’daqqa ta’ pinna meta illegalizzat it-talb tat-tallaba u n-nies jgħixu fit-toroq.  Dawn ir-reati huma elenkati fl-artiklu 338 (w) u (x) tal-Kodiċi Kriminali tal-Liġijiet ta’ Malta.  Artiklu 338 (w) jgħid illi l-pulizija tista’ tarresta lil min jgħix ħajja ta’ għażż u ta’ vagabundaġġ u 338 (x) lil min f’xi  post  pubbliku  jimmolesta  n-nies  biex  jitlob  il-karità.

Wieħed ma jistax ma jirrimarkax illi l-fatt li wieħed jgħix barra u t-talb mhux eżattament l-istess. Minkejja dan huma intrinsikament relatati. 

Malta anke jekk għandna xi wħud minn dawn in-nies, is-sitwazzjoni mhix bla kontroll u f’postijiet l-iktar ċentrali u pubbliċi.

Lorna Vassallo

U jien nemmen li, il-fatt li n-nies li jgħixu barra f’pajjiż isir illegali, hija l-vera soluzzjoni ta’ dan il-fenomenu.  F’pajjiżi oħra Ewropej, kull tentattiv ieħor falla totalment jew parzjalment.  Dan minkejja għadd ta’ servizzi soċjali b’saħħithom li joffru lil dawn in-nies u djar tal-gvern u ċentri apposta sabiex jilqgħhuhom. Anke jekk jingħataw ħafna ikel b’xejn mill-ħwienet u anke fejn l-opportunitajiet tax-xogħol ma jaqtgħu qatt. Dan kollu minnu nnifsu juri li l-għeruq tal-problema mhumiex in-nuqqas ta’ flus. Huwa iktar il-mod kif jaħsbuha dawn in-nies li jagħżlu jew jippreferu jorqdu barra minflok jidħlu fil-ħajja komunitarja. 

Bħala eżempju, il-Ġermanja fl-2019 (qabel il-pandemija) ġie rappurtat illi kellha 650,000 ruħ bla dar.  Minn dawn 48,000 kienu jorqdu fuq it-toroq. Il-maġġoranza tagħhom kienu nies mill-Ewropa tal-Lvant, tliet kwarti minnhom kienu rġiel u 22,000 kienu tfal. Mill-istħarriġ illi kkonsultajt, l-ażil mhux neċessarjament relatat ma’ din il-problema.  Fil-fatt in-numru ta’ persuni li kienu qed ifittxu l-ażil fl-2017 kien ta’ 375,000.  Għalhekk, il-problema ta’ nies jgħixu barra mhix neċessarjament marbuta mal-ażil u ma’ nies illi jidħlu f’pajjiż bla permess.

Iżda f’dan il-qasam, daqskemm il-mentalità hija ħażina fil-każ tan-nies li jgħixu barra daqstant ieħor hija żbaljata min-naħa tal-awtoritajiet. L-Ewropej, flimkien mal-awtoritajiet u l-Qrati tagħhom, jemmnu li bniedem għandu dritt jgħix barra.  Il-bażi ta’ dan ir-raġunament huwa li mhumiex kriminali. 

Iżda mingħajr ma nidħlu f’argumenti ta’ x’tista’ tkun il-bażi ta’ reat kriminali u x’inhu kriminali, ma jiġini f’moħħi xejn ħlief li din hija linja ta’ ħsieb konvenjenti ħafna għall-gvernijiet biex it-tort tal-faqar ma jaqax fuqhom.  Wara kollox, min m’għandux indirizz ma jivvutax u min jorqod barra ftit li xejn jista’ joffri lill-politiku.

U f’dawn il-pajjiżi, bħal f’Malta, wieħed jammetti illi jeżistu ħafna għaqdiet li jgħinu lil dawn in-nies biex itaffu l-problema. Min jipprovdilhom servizzi tas-saħħa b’xejn, min fejn jorqdu temporanjament u min xi ħaġa x’ibigħu biex jaqalgħu l-flus.  Prattikament tibgħat lil min hu bla dar jittallab għal min hu bla dar!  Iżda bħal dejjem, m’iniex ċerta tali għajnuna hix qed issolvi l-problema jew tinkoraġġixxi li tikber. 

Il-verità hi wkoll (verità li għextha), li meta n-nies tal-post jaraw lil dawn in-nies jittallbu ħadd ma jagħti kashom u għalhekk mhux verament jemmnu li huma nies innoċenti, imma pjuttost (kif tgħid sewwa l-liġi Maltija), litteralment ‘għażżenin’. Rari tara lil xi ħadd jagħtihom il-flus. 

Huwa veru wkoll li kull każ huwa għalih.  Uħud minnhom għandhom problemi mentali, oħrajn ta’ droga jew alkoħol, oħrajn probabbilment ta’ logħob u ta’ problemi ta’ relazzjoni mal-mara, mal-familja jew ma’ nies li kienu jgħixu magħhom.  Li hu żgur hu li kollha kemm huma jista’ jkun li flok baqgħu jfittxu l-għajnuna fejn għandhom ifittxuha, qatgħu qalbhom u ħasbu li l-unika soluzzjoni hija li jgħixu fit-triq.  Mingħajr dubju ta’ xejn, uħud minnhom huma wkoll perikolużi għas-soċjetà u kif tgħid il-liġi Maltija ‘jimmolestaw in-nies’ jew ‘jimmolestaw in-nies  biex jitolbu l-karità’.  

Iżda, fil-fehma tiegħi ebda bniedem jew organizzazzjoni filantropika ma jistgħu jsibu rkaptu ta’ dan it-tip ta’ faqar waħedhom.

Meta wieħed jagħti l-flus lil dawn in-nies qed jeqred l-għanqbuta u mhux il-brimba. Jagħti l-ħuta u mhux il-qasba. Min hu bla dar huwa r-responsabbiltà tal-istat. Kull raġel jew mara li jgħixu fuq it-triq ma jistax jiġi megħjun b’mod volontarju imma biss b’mod professjonali. U l-pulizija hija l-unika entità li tista’ verament tgħin lil dawn in-nies.  Ġimagħtejn oħra nerġa’ nindirizza din it-tema fit-tieni artiklu ta’ din is-sensiela. 

Li huwa żgur hu li nemmen bis-sħiħ li s-sistema Maltija hija sistema li ħadmet u li tagħmilna verament poplu sinjur.  U li dan il-fatt għandna napprezzawh. Dak li jagħmilna sinjuri mhux dak li għandna.  Iżda wkoll dak li m’għandniex u l-fatt li f’dan il-każ ma rrikonoxxejniex biss il-problema (bħalma għamlu pajjiżi oħra), imma wkoll is-soluzzjoni.  Ħaddieħor ra s-soluzzjoni u spiċċa jwarrabha.  Aħna mhux talli sibna s-soluzzjoni, talli implimentajnieha bla tlaqliq.

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Ekonomija

Sport