Saturday, November 23, 2024

X’ħareġ mir-rapport tal-Awditur dwar il-proġett tal-Isptar Mater Dei?

Aqra wkoll

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta r-rapport imsemmi lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. Din l-investigazzjoni tindirizza t-talba li saret f’Lulju 2018 mill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna fejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ntalab isegwi r-rapport preċedenti li sar dwar dan is-suġġett f’Mejju 2018.

Dan l-eżerċizzju kkonkluda li l-proġett tal-bini tal-Isptar Mater Dei (MDH), li sewa €583 miljun, kien katalist biex trasforma s-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa f’Malta. Minkejja dan, il-proġett kien ikkaratterizzat minn problemi ta’ kwalità, spejjeż ogħla minn dawk prevvisti u oħrajn ta’ skadenzi. Dawn l-elementi huma sinonimi ma’ nuqqasijiet relatati mal-immaniġġjar tal-kuntratt, tal-proġett u ta’ governanza.

Bħar-rapport oriġinali, din l-investigazzjoni kellha limitazzjonijiet relatati mal-frammentazzjoni fid-dokumentazzjoni kif ukoll il-medda twila taż-żmien (1987 – 2008). Madankollu, l-Uffiċċju kellu firxa akbar ta’ dokumentazzjoni disponibbli u konsegwentement seta’ jespandi fuq il-kwistjonijiet diskussi fl-ewwel rapport, jiġifieri dak ta’ Mejju 2018. F’dan il-kuntest, l-Uffiċċju jirrikonoxxi l-kontribut u l-koperazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kabinett u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS).

Studju komparattiv żvela li l-ispejjeż għad-disinn u l-kostruzzjoni tal-MDH qabżu benchmarks internazzjonali relatati mal-ispazju għal kull sodda u l-ispiża għal kull metru kwadru. Din is-sitwazzjoni ġiet riflessa wkoll meta dawn il-parametri ġew imqabbla fuq livell nazzjonali mal-ispejjeż għad-disinn u l-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC). F’dan ir-rigward, l-ispejjeż tal-MDH għal kull metru kwardru qabżu dawk ta’ SAMOC bi 30 fil-mija. Minbarra dan, ġie stmat li l-ispejjeż tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-MDH kienu ogħla b’€97 miljun meta mqabbla ma’ SAMOC. Ir-rapport jinnota li d-disinn tal-isptar ikkontribwixxa parzjalment, għar-rati għoljin tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-MDH – b’mod partikolari billi l-isptar qabeż il-benchmarks internazzjonali relatati mal-ispazju għal kull sodda.

Fuq l-istess binarju, l-ispejjeż totali għad-disinn u l-kostruzzjoni tal-MDH qabżu l-valuri kuntrattwali oriġinali b’madwar ħames darbiet. Il-proġett tlesta 15-il sena minn meta ġie ffirmat l-ewwel ftehim relatat mal-proġett. Il-bidla fil-policies tal-Gvern dwar l-iskop, id-daqs u d-disinn tal-isptar, wara żewġ bidliet ta’ gvernijiet suċċessivi, ikkontribwixxew ukoll għan-nefqa ogħla u d-dewmien aktar mill-miri stabbiliti.

Filwaqt li l-NAO jirrikonoxxi li n-natura ta’ proġetti pubbliċi ewlenin jistgħu jkunu suxxettibbli għal uħud, jekk mhux għall-kwistjonijiet kollha mqajma f’dan ir-rapport, fil-prattika bosta aspetti ta’ dawn in-nuqqasijiet setgħu ġew minimizzati jew evitati. F’dan il-kuntest, dan l-Uffiċċju jtenni l-importanza ta’ pjanar, kordinazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha mill-bidu nett, kif ukoll mekkaniżmi ta’ kontroll effettivi. Dan jaċċerta li l-proġetti jipproċedu kif maħsuba u jwasslu għall-impatt intenzjonat fil-parametri tal-baġit allokat lilhom, filwaqt li tiġi ffaċilitata azzjoni korrettiva f’waqtha, jekk u kif meħtieġ.

Dan ir-rapport huwa aċċessibbli minn www.nao.gov.mt jew mill-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

Sport