Is-suċċess tal-Kungress Nazzjonali jagħti xhieda ta’ kif il-General Workers’ Union se tibqa’ forza ċentrali fl-ekosistema soċjoekonomika ta’ Malta. Il-GWU għandha rwol doppju kemm bħala difensur tad-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll bħala sieħeb importanti fil-governanza tal-pajjiz.
L-interventi meqjusa li saru fil-Kungress kemm mill-amministrazjoni ċentrali tal-unjin, kif ukoll mis-segretarji rispettivi tat-taqsimiet juru b’mod konsistenti kif il-GWU trawwem id-djalogu, tadatta tajjeb għax-xejriet globali u tagħti eżempju ta’ kif il-unjins jistgħu jkunu mutur ta’ żvilupp inklussiv u stabbli fil-pajjiż.
Rikonoxxuta t-talba tal-GWU għal viżjoni…
Mument importanti tal-kungress kien id-diskors tal-Prim Ministru li, fid-diskors tiegħu tkellem dwar il-Viżjoni Malta 2050 u rrikonoxxa kemm il-GWU kienet ilha tisħaq dwar il-bżonn li jkollna viżjoni fit-tul għal Malta. Il-Prim Ministru għażel dan il-Kungress biex iħabbar li din il-Viżjoni se tkun qiegħda titnieda b’mod formali fi ftit tal-ġimgħat oħra. L-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050 se tkun tista’ titqies bħala testimonjanza ta’ kemm baqgħet strumentali l-GWU fl-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Kif qal is-Segretarju Ġenerali, Josef Bugeja, fid-diskors tiegħu wara li kien mogħti mandat ieħor fit-tmexxija tal-Unjin, il-GWU hija l-vuċi ta’ eluf ta’ ħaddiema f’kull post tax-xogħol kif ukoll vuċi taz-żgħażagħ u pensjonanti imma anke tagħti vuċi lill-vulnerabbli u lil dawk abbużati u sfruttati. Bis-saħħa tal-GWU, il-ħaddiema gawdew minn miljuni ta’ ewro bħala żidiet fil-pagi u benefiċċji finanzjarji u l-kungress kien opportunita’ tajba biex id-delegati jisimghu d-dettalji dwar dawn il-kisbiet.
Il-GWU fuq livell Ewropew
Fil-kungress smajna wkoll dwar l-impenn tal-GWU fuq livell Ewropew u Internazzjonali kemm fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll fl-ILO, l-ETUC u l-ITUC.
Ħabat tajjeb li l-protagonista ta’ din il-ħidma fuq livell internazzjonali, Jason Deguara, issa ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Unjin u naħseb li dan huwa żvilupp li se jagħti spinta ġdida u energetika lill-unjin.
Matul il-mandat tiegħu bħala Segretarju Internazzjonali, Deguara għamel xogħol importanti fil-livell Ewropew fost l-oħrajn dwar persuni bi bżonnijiet speċjali, is-settur diġitali, id-drittijiet tal-konsumatur u l-ekonomija. Dawn huma kollha oqsma importanti u relevanti għall-futur tal-GWU.
Kollox ma’ kollox, il-Kungress Nazzjonali tal-GWU saħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjin u saħħaħ il-vuċi kollettiva tal-membri filwaqt li fetah it-triq għal iktar progress fil-futur. Il-Kungress offra wkoll direzzjoni strateġika li tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-unjin u tiggwida l-ħidma u l-azzjonijiet tagħha fil-futur.
Apparti l-aspett trejdjunjonistiku, il-kungress kien ukoll suċċess mill-aspett organizzattiv għax kellu korjografija tajba ħafna li ħalliet impressjoni pożittiva kemm fuq id-delegati li attendew, kif ukoll fuq dawk li segwew il-Kungress permezz tal-mezzi tax-xandir jew il-mezzi soċjali.

