Thursday, January 1, 2026

‘Xhur ta’ dixxiplina, sagrifiċċji u kilometri twal fit-taħriġ kollha ġew għajnejja f’forma ta’ dmugħ’ – Nicolai Baldacchino

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Minn ta’ etá żgħira kont involut fl-isport. Niftakar kont bdejt nilgħab il-futbol imbagħad ta’ madwar 18-il sena kont bdejt niġri distanzi qosra sabiex nitlef il-piż. Minn hemm bdejt dejjem intella’ d-distanzi u anke bdejt nipparteċipa f’diversi tlielaq li jiġu organizzati fil-pajjiż – minn tlielaq ta’ 5k sad-distanza tan-Nofs Maratona fejn fl-2016 kont ipparteċipajt għall-ewwel darba fil-Malta Half Marathon. Minn hemm qatt ma ħarist lura u dejjem ippruvajt inkun dixxiplinat kemm jista’ jkun fejn jidħol taħriġ.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Għadek ġej mill-Maratona ta’ Firenze fejn kellek esperjenza mill-aqwa. Agħtina iktar dettalji.

Iva, Firenze kienet l-ewwel esperjenza tiegħi fejn tidhol l-Maratona u d-distanza ta’ 42km. F’Jannar li għadda ħadt id-deċiżjoni li wara dawn is-snin kollha niġri, kien imissni nitla’ tarġa oħra u nittanta xortija fil-Maratona. Naf li ma kinitx deċiżjoni faċli għax il-maratona tirrikjedi ammont ta’ sigħat f’taħriġ u anke sagrifiċċji. Dakinhar tat-tellieqa kelli taħlita qawwija t’emozzjoniet – eċċitament, ftit beżgħan avolja kont naf li kont ippreparat tajjeb u gratitudni għal dawk kollha li għenuni nasal sal-istarting line. Irnexxieli nlesti l-42km fit-3hr53mins – u b’hekk ilħaqt it-tragward li kont ngħid irrid nidħol qabel 4hrs.

Is-sensazzjoni li jagħtik il-finish line tal-maratona huwa xi ħaġa indiskrevibbli u ta’ sodisfazzjon kbir. Xhur ta’ dixxiplina, sagrifiċċji u kilometri twal fit-taħriġ kollha ġew għajnejja f’forma ta’ dmugħ. Minn hawn nirringrazzja lill-kowċ tiegħi Danica Bonello Spiteri li ggwidatni tul dan il-perkors u kienet miegħi mill-bidu sal-aħħar. Firenze hija esperjenza li diffiċli ninsa u se nibqa’ nġorr matul ħajti!

X’suċċessi maġġuri oħra rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Lil hinn minn suċċessi magguri, kburi mmens fejn wasalt mill-ewwel tellieqa li tellaqt sal-ġurnata tal-lum. Personalment, l-ikbar suċċess għalija kien li rnexxieli nasal fl-istarting line u nlesti l-Maratona. Għalija unur li jiswa iktar minn kwalunkwe Tazza jew midalja. Il-fatt li kont reżiljenti biżżejjed biex irnexxieli ngħaddi xhur ta’ taħriġ qalb diversi impenji fosthom żewġt itfal żgħar, xogħol u kors l-Univeristá – għalija jfisser ħafna. Għalhekk nemmen li l-Maratona nnifisha kienet il-premju u hija prova li jekk nemmen fil-proċess u naħdem konsistentement, nista’ nasal oltre. Għalhekk, għalkemm għad m’għandix titli, inħoss li ksibt xi ħaġa ferm akbar: iktar imħabba lejn l-isport u iktar stima lili nnifsi.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li l-livell tjieb drastikament speċjalment tul dawn l-aħħar snin. Hawn atleti tajbin ħafna, kowċis kompetenti ħafna kif ukoll żieda sostanzjali ta’ klabbs tal-ġiri. Għad hemm ħafna x’jista’ jsir, biss hemm interess u konkorrenza tajba ħafna b’żieda ta’ ħafna tlielaq matul is-sena. Komunitá ta’ atleti qed issir aktar magħquda u motivata fejn naħseb li dik hija l-bażi ta’ futur b’saħħtu għall-atletika f’pajjiżna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Rigward riżorsi nemmen li jista’ jkun hemm titjib drastiku, speċjalment fejn tidħol infrastruttura b’toroq iktar mdawla speċjalment f’toroq u żoni iktar rurali. Użu tar-running tracks b’xejn jista’ jkun inċentiv ukoll biex wieħed jibda jitħarreġ fl-atletika. Aktar investiment u aktar opportunitajiet biex atleti lokali jikkompetu barra minn xtutna wkoll. Biss il-potenzjal hemm qiegħed u qiegħed jikber.

Kif qed thares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Nixtieq inkompli ntejjeb il-ħinijiet u l-prestazzjonijiet tiegħi u nerġa’ nikkompeti f’xi maratoni oħra żgur. Il-maratona kienet biss il-bidu u kienet prova li l-ġisem u l-moħħ jistgħu jagħmlu ħafna aktar milli naħsbu. Madankollu nixtieq u rrid li nżomm l-istess passjoni u mħabba li kelli tul dawn l-aħħar 11-il sena niġri. L-iktar ħaġa importanti għalija hija li nibqa’ atleta li nieħu gost niġri u nibqa’ konxju kemm l-isport u d-dixxiplina verament biddluli ħajti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

L-ewwel u qabel kollox – emmen fik innifsek anke meta l-progress jista’ jkun wieħed minimu. L-atletika hija vjaġġ twil u tirrikjedi dixxiplina u konsistenza. L-atletika tista’ tgħinek tikber mhux biss bħala atleta iżda wkoll bħala persuna. Iddawwar b’nies li jemmnu fik u jħobbu wkoll dan l-isport. Jekk tibqa’ tħobb dak li tagħmel u tipprattika l-isport b’passjoni, is-suċċess jasal żgur!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport